Qorti
Mara tiskansa €6,000 multa fuq akkuża li bidlet il-password tal-Facebook ta’ żewġha

Mara li kienet immultata €6,000 wara li nstabet ħatja li daħlet fil-profil tal-Facebook ta’ żewġha, bidlitlu l-password u niżżlet ritratt ta’ mara b’sidirha barra biex tużah fil-kawża tas-separazzjoni rebħet l-appell wara li mħallef ikkonkludiet li ma ġiex pruvat li kienet hi li daħlet fil-profil tiegħu.

Il-mara, li għandha 39 sena u hija minn Ħal Qormi, kienet akkużata li wettqet dan ir-reat f’Marzu 2017 u wara li f’Ġunju li għadda nstabet ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati appellat quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.

Wara li reġgħet semgħet il-provi – fosthom ix-xhieda tar-raġel, tal-mara, ta’ omm ir-raġel u tal-mara li bagħtitlu r-ritratt tagħha – l-Imħallef Scerri Herrera ddeskriviet l-provi tal-prosekuzzjoni bħala fjakki u skarsi.

Hija sostniet li la ġew elevati l-laptops li allegatament intużaw biex jitwettqu r-reati, la ġew imħarrka s-service providers biex jitilgħu jixhdu, la nġiebet informazzjoni mill-kumpanija Facebook u lanqas ġie mitkellem ħu l-mara li allegatament irċieva ċ-chat log u r-ritratt tal-mara l-oħra.

L-Imħallef Scerri Herrera rrimarkat li mhux l-ewwel darba li kienet iffaċċjata bi problemi bejn il-miżżewġin u taf li l-piki u l-ġlied ġieli jirrenjaw u ma tħosshiex komda li ssib ħtija fuq dak li jingħad bla ma jinġiebu l-provi.

Hija żiedet li l-prosekuzzjoni hija obbligata li tressaq l-aħjar prova, kemm dik favur kif ukoll dik kontra, u peress li d-dubji f’dan il-każ huma kbar ma setgħetx tikkonferma l-ewwel sentenza.

Kien għalhekk li hija lliberat lill-mara mill-ħtija u sussegwentament mill-multa ta’ €6,000.

Il-prosekuzzjoni f’dan il-każ tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna waqt li l-mara kellha jiddefendiha lill-Avukat Arthur Azzopardi.