Esklussiv: filmat tal-mument eżatt li fih seħħ l-inċident fatali fil-Fgura

Anzjana ta’ 77 sena minn Wied il-Għajn mietet f’inċident tat-traffiku li seħħ ilbieraħ filgħaxija fi Triq Ħaż-Żabbar, il-Fgura.

Il-mara mietet fuq il-post wara ħabta bejn il-karozza li kien qed isuq żewġha u karozza li kienet wieqfa f’nofs ta’ triq. L-inċident inqabad f’filmati li nġibdu minn kameras tas-sigurtà u li tvm.com.mt kiseb b’mod esklussiv.

Il-filmati esklussivi li kiseb tvm.com.mt juru l-karozza tat-tip SUV misjuqa minn Godwin Tanti Bellotti ta’ 79 sena minn Raħal Ġdid tibqa’ dieħla f’karozza li għal xi raġuni kienet wieqfa f’nofs Triq Ħaż-Żabbar il-Fgura. F’din il-karozza kien hemm mara bilqiegħda fuq is-‘seat’ tal-passiġġier, filwaqt li sidha ta’ 43 sena min-Naxxar kien qiegħed fuq il-bankina, jitkellem ma’ xi persuni oħrajn quddiem ħanut.

Mad-daqqa, l-SUV inqalbet fuq ġenb bis-sewwieq anzjan u martu Irene Tanti Bellotti ta’ 77 sena residenti Wied il-Għajn jinqabdu fiha.

Il-filmati li nġibdu mill-kameras tas-sigurtà juru l-kommossjoni li nqalgħet hekk kif il-karozza nqalbet għal ħabta tal-10.00 p.m. Persuni li nzertaw fiż-żona fosthom sewwieqa ta’ karozzi oħrajn, li kienu għaddejjin minn din it-triq ewlenija, jieqfu u joħorġu jiġru mill-karozzi tagħhom biex jippruvaw jagħtu l-ewwel għajnuna lill-koppja.

Madankollu, Godwin u Irene baqgħu maqbudin fil-karozza u ma setgħux jinħarġu sakemm waslu fuq il-post membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u team mediku mill-Isptar Mater Dei. Il-mara nħarġet mejta waqt li r-raġel ittieħed l-Isptar għall-kura minħabba li kien qed isofri minn xokk qawwi.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Aaron Bugeja li ordna li ssir inkjesta bl-għajnuna ta’ għadd ta’ esperti. Dan filwaqt li l-Pulizija għadhom għaddejjin bl-investigazzjonijiet.