
Mara tilfet ħajjitha f’inċident fatali dalgħodu fil-Qrendi, fl-inħawi tal-Maqluba. Il-Pulizija qalet li l-inċident seħħ għall-ħabta tat-8.00am fi Triq it-Tempesta.
Il-vittma hija Luiga Magro ta’ 81 sena mill-Qrendi, li ttajret minn karozza meta kienet qed taqsam it-triq. Hija kienet iċċertifikata mejta fuq il-post. Il-karozza tal-għamla Volkswagen Up, li laqtet lill-anzjana, kienet misjuqa minn mara ta’ 30 sena li toqgħod l-Imqabba.
Fil-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit. Il-Pulizija qed tinvestiga.
Intant, minn tagħrif li TVM kiseb minn fuq il-post, jirriżulta li ftit qabel l-inċident il-vittma kienet qed taqta’ l-pal tal-bajtar minn għalqa tal-familja fil-ġenb tat-triq. Meta ntlaqtet mill-karozza hija kienet qed taqsam it-triq minn liwja, bil-pal f’kaxxa tal-kartun li kienet qed iżżomm f’idejha.
Persuni li kienu fuq il-post qalu li Luiga Magro, magħrufa bħala ‘Ġiġa l-purtinara’, għaliex qattgħet għomorha taħdem fl-iskola primarja tal-Qrendi. L-istess persuni qalulna li Ġiġa kienet maħbuba u rispettata minn ħafna tfal li kienu jattendu l-istess skola u li minn jaf kemm-il darba kienet iddur bihom.

