Lokali
Mara tqila tingħata kumpens ta’ €8,000 wara li tkeċċiet b’mod inġust

Mara tqila li kienet taħdem bħala segretarja ngħatat kumpens ta’ €8,000 wara li t-tribunal iddeċieda li tkeċċiet b’mod inġust.

L-avukat ta’ Ashleigh Pandurov, li kienet taħdem segretarja full time b’kuntratt indefinit ma’ S&M (Marketing) Company Ltd fetaħ kawża t-Tribunal f’April, 2019.

Hija kienet ilha taħdem mal-kumpanija minn Jannar, 2018. F’Awwissu, 2018, hija saret taf li kienet tqila u fi Frar, 2019, meta kellha sitt xhur tqala, ippreżentat ċertifikat ta’ tliet ijiem għax kienet ma tiflaħx lid-direttur tal-kumpanija.

Waqt li kienet bis-sick leave, hija kellha tmur għand it-tabib tagħha għax kienet qed tħoss id-dardir. Faċċata tat-tabib tagħha, kien hemm l-uffiċċju tal-insurance tal-karozza tagħha u kif kienet hemm marret hemm biex tħallas l-insurance.

Ġara, li impjegat minn hemm irrapportaha lill-imgħallem tagħha li ħarġet waqt li kienet bis-sick leave. Meta marret lura x-xogħol, tliet ijiem wara, l-imgħallem qallha li tista’ ma tersaqx iktar lejn ix-xogħol għax ħabib tiegħu raha barra.

Il-mara qalet li hija ma kinitx iffirmat l-ittra tat-terminazzjoni tagħha iżda, allegat li l-kumpanija għamlet l-inizjali ta’ isimha. Fid-dikjarazzjoni tagħha, il-kumpanija qalet li l-mara naqset mill-obbligi statutorji u kuntrattwali tagħha meta  kienet bis-sick leave u għażlet li toħrog biex tagħmel il-qadi tagħha. Qalet li l-formula tat-terminazzjoni ma ġietx sottomessa lil Jobs Plus u mhux vera li ġiet ippreżentata formola b’firma falza.

Ashleigh Pandurov qalet li ġiet imwaqqfa mill-impjieg tagħha għax kienet tqila u dan huwa ksur tad-drittijiet tagħha. Min-naħa tagħha, il-kumpanija qalet li hija kisret l-obbligazzjonijiet tagħha, billi għażlet li toħroġ tagħmel il-qadi tagħha waqt is-sick leave.

Fid-deċiżjoni tiegħu t-tribunal, ippresedut miċ-Chairman Edmund Tabone, qal li t-tkeċċija kienet waħda inġusta anke jekk għamlet xi ħaġa ħażina. Qal li hija kellha tinħarġilha twissija bid-dritt li tiddeffenti ruħha.

It-Tribunal innota wkoll nuqqasijiet serji mill-kumpanija riqward amministrazzjoni dubjuża fej tidħol ir-reġistrazzjoni tal-impjieg tal-mara mal-Jobs Plus.

It-Tribunal ordna li tingħata kumpenns ta’ €8,000 li jrid jitħallas fi żmien xahar.