Kronaka
Mara tweġġa’ gravi wara li karozza ħabtet ma’ bollard

Mara ta’ 76 sena minn Ħal Luqa weġġgħet gravi f’inċident li seħħ fl-istess lokalità.

L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.00 p.m. fi Triq il-Ġdida.

Mill-ewwel stħarriġ tal-Pulizija rriżulta li raġel ta’ 78 sena, residenti Ħal Luqa, tilef il-kontroll tat-Toyota Passo li kien qed isuq u ħabat ma’ bollard.

Il-mara, li kienet riekba fil-vettura, ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza fejn ġiet ċertifikata li kienet qed issofri minn ġrieħi gravi.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.