Qorti
Mara u raġel arrestati fuq suspett li heddew u serqu raġel fil-Gżira

Mara ta’ 56 sena u raġel ta’ 46 sena ġew arrestati mill-Pulizija fuq suspett li heddew u serqu raġel fil-Gżira jumejn ilu.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li kienu għall-ħabta tal-11.00 tal-Erbgħa filgħodu meta l-vittma; raġel ta’ 43 sena, kien miexi fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, meta l-koppja marru fuqu, heddewh u serquh.

Wara li ġew infurmati l-Pulizija, bdiet tfittxija għaż-żewġ persuni, fejn madwar siegħa wara, il-pulizija arrestaw lill-mara fil-Gżira stess.

It-tfittxijiet għar-raġel issoktaw u lbieraħ filgħodu, Kuntistabbli tal-Pulizija stazzjonat ir-Rapid Intervention Unit, fil-ħin li ma kienx xogħol, għaraf lir-raġel, li kien passiġġier f’vettura li kienet qiegħda tinsaq fil-Gżira. Fuq il-post indikat mill-kuntistabbli, intbagħtu l-Pulizija tar-RIU li sabu l-vettura u arrestaw lir-raġel.

Il-mara u r-raġel se jitressqu l-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin