Lokali
Mario Cocker b’ġabra ta’ ritratti tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira

L-arti tal-fotografija magħquda max-xogħlijiet artistiċi tal-uħud mill-vari tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta nġabru fi ktieb li ġie ppubblikat fl-aħħar jiem.

Passjoni – Merging Art and Faith huwa l-isem tal-ktieb li jiġbor fih is-sentimenti artistiċi u ta’ fidi tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta. Fih hemm ritratti ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira ta’ tmien parroċċi f’Malta b’kummentarju fuq dawn il-vari minn Mario Coleiro.

Il-ħsieb wara din il-pubblikazzjoni hu li l-arti tidħol f’ħafna sitwazzjonijiet fil-ħajja tal-bniedem u l-bniedem juża l-arti biex japprofondixxi s-sentimenti tiegħu. Ir-reliġjon Kattolika ssaħħaħ il-messaġġ tagħha permezz ta’ xbihat li jakkumpanjaw ir-rakkonti fil-kotba mqaddsa u mal-mogħdija taż-żmien il-bniedem żewweġ dawn is-simboli u x-xbihat mal-arti.

Fil-ktieb Passjoni, hemm diversi ritratti ta’ wħud mill-vari proċessjonali li juru l-passjoni ta’ Ġesù. Kif kiteb Mario Coleiro, l-espressjonijiet u l-movimenti f’dawn ix-xbihat devoti u artistiċi huma manifestati wkoll mill-kamera u l-għajnejn artistiċi tal-fotografu Mario Cocker li ilu ħmistax-il sena għaddej b’dan ix-xogħol tal-fotografija tal-vari.

Mario Cocker qal “ħdimt fuq l-istil Barokk chiaroscuro li mid-dlamijiet toħroġ l-isbuħija tal-vara. X’kienet il-mira tiegħi? Li lin-nies nuri s-sbuħija tal-vara li meta tkunu qegħdin f’purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira n-nies ma jarawhomx u ġieli lanqas l-artist stess li jkun għamilhom ma nduna bihom. Tipprova tifhem il-vara, tipprova tifhem l-artist xi pprova jagħmel, x’messaġġ ipprova jagħti u jiena ridt noħorġu f’pubblikazzjoni.”

Il-Viċi Kappillan tal-parroċċa taż-Żejtun, Dun Dylan Bugeja, qal li l-arti Kristjana tgħin lill-bniedem jagħraf li Alla huwa qrib tiegħu.

Dun Dylan Bugeja qal “kull immaġini, kull kurċifiss, kull statwa għandha tfakkarna din f’din il-Ġimgħa Mqaddsa, li Alla mhux ‘il bogħod minna f’kull sitwazzjonijiet li ngħaddu minnhom, anzi fl-iktar sitwazzjonijiet diffiċli li għaddejjin minnhom, sia mard, sia anke mwiet li forsi xi wħud minna bħalissa għaddejjin minna. Alla viċin tagħna u allura l-artisti, il-fotografija, il-pitturi, l-istatwi, kull forma ta’ arti Kristjana għandha dan l-aspett spiritwali li tfakkar lill-bniedem li Alla huwa propju biswitna, viċin tagħna.”

Mario Cocker qal li għaddej bi proġett ikbar li fih jieħu ritratti tal-vari kollha tal-Ġimgħa l-Kbira madwar Malta u Għawdex u jgħaqqadhom f’pubblikazzjonijiet.

Aħbarijiet Oħra
Statistika

L-għadd ta’ inċidenti rrappurtati fl-ewwel tliet xhur tas-sena żdiedu b’aktar minn 8% meta mqabbla mal-istess perjodu s-sena li għaddiet. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn Jannar u Marzu kienu rappurtati 3,656…

Unjoni Ewropea

Wara li lbieraħ bdew jivvutaw l-Ingliżi u l-Olandiżi, illum kien imiss lill-Irlandiżi u ċ-Ċeki biex joħorġu jivvutaw biex jaħtru d-deputati Ewroparlamentari. Fir-Repubblika Ċeka l-votazzjoni maqsuma fuq jumejn bil-għan li t-turnout…

Aktar