Lokali
Marlene Farrugia tippreżenta abbozz ta’ liġi li jiddikriminalizza l-abort f’Malta

Id-deputat indipendenti Marlene Farrugia ppreżentat fil-Parlament abbozz ta’ liġi li jiddikriminalizza l-abort f’Malta.

Malta huwa wieħed minn ftit pajjiżi fid-dinja u l-uniku stat membru fl-Unjoni Ewropea li jipprojbixxi għalkollox it-tmiem ta’ tqala f’kull ċirkostanza.

L-abbozz ta’ liġi ġie ppreżentat fil-Kamra tar-Rappreżentanti fi tmiem il-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari.

Skont il-kodiċi kriminali ta’ Malta, kull persuna li tfittex jew tagħti l-għajnuna tagħha biex isir abort jista’ jintbagħat bejn 18-il xahar u tliet snin ħabs. L-istess piena tingħata kontra mara li tikkaġuna l-abort fuqha nnifisha, jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom isir l-abort.

F’diskors fil-Parlament, Farrugia qalet li kienet qed tressaq dan l-abbozz ta’ liġi bil-għan li tassigura li ebda persuna jew professjonisti fil-qasam mediku ma jiġu ddiskriminati u kkriminalizzati għall-għażla dwar is-saħħa medika tagħhom jew l-għajnuna medika lil xi persuna jew persuni oħra.