Lokali
Marlene Mizzi tirbaħ każ ta’ libell kontra Austin Gatt

L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi rebħet libell li kienet ressqet 12-il sena ilu fil-konfront tal-eks Ministru Austin Gatt.

Fi stqarrija Marlene Mizzi qalet li l-Qorti Ċivili ordnat lil Austin Gatt iħallas €1,000 f’danni .

Hija spjegat li f’Ġunju, 2005 kienet irriżenjat volontarjament mit-tmexxija tas-SeaMalta għax ma qablitx mal-mod kif kienet qiegħda titmexxa l-privatizzazzjoni tal-linja tal-baħar nazzjonali mill-eks Ministru Austin Gatt.

Stqarret li għall-ewwel ir-riżenja ġiet miċħuda mill-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien Lawrence Gonzi. Żiedet tgħid li l-Ministru Gatt kien qal li “berbqet fondi pubbliċi” iżda hija qalet li min-naħa tagħha sfidat lil Gatt jirrepeti din l-istqarrija barra l-Parlament fejn ma jkollux il-protezzjoni tal-immunità Parlamentari.

Stqarret li hu kien reġa’ qal dan il-kliem f’intervista ma’ The Times fl-1 ta’ Lulju, 2005.

Marlene Mizzi qalet li ressqet każ ta’ libell kontra l-eks Ministru fil-qrati Kriminali u Ċivili, liema każi rebħiethom it-tnejn li huma.

Temmet tgħid li l-Qorti ddeċidiet li l-kontenut tal-artiklu “No prospects of national shipping line” ma jistax jitqies bħala “ġudizzju valutattiv u kumment ġust, iżda huwa libelluż u diffamatorju fir-rigward tagħha”.