Marlene Mizzi tirribatti l-oġġezzjoni tal-MEP’s għaż-żjara tal-Papa fil-PE

L-Ewroparlamentari Maltija Marlene Mizzi, irreaġixxiet għal oġġezzjoni ta’ xi Ewroparlamentari għaż-żjara tal-Papa Franġisku waqt is-sessjoni Plenarja ta’ għada fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu.

Email iffirmata minn żewġ MEPs, Sofie in’t Veld (ALDE) u Virginie Roziere (S&D – xellug radikali) ġiet mibgħuta lill-President Martin Schultz kif ukoll ġew ikkupjati l-MEPs kollha u lill-assistenti tagħhom.

Fl-ittra tagħhom, huma sostnew li din iż-żjara se tkun monologu  u mhux dibattitu miftuħ kif mistenni fl-awla, u għaldaqstant oġġezzjonabbli.

Huma argumentaw ukoll li istituzzjoni sekulari bħal ma’ hu l-Parlament Ewropew, m’għandux jaċċetta indirizzi mingħand mexxejja reliġjuzi, għax dan ma jurix rappreżentazzjoni ugwali ta’ l-500 miljun ċittadin Ewropew.

Barra min hekk, dawn iż-żewġ MEPs, huma tal-fehma li ż-żjara tal-Papa Franġisku, tista’ toħloq konflit, hekk kif skont huma, l-Papa Franġisku ma jirrispettax s-separazzjoni tal-knisja u l-istat.

Huma komplew joġġezzjonaw għaż-żjara tal-Papa għar-raġuni li “Il-Knisja Kattolika tħoss li għandha d-dritt li tinterferixxi fil-materji ċivili u timponi l-valuri morali tagħha fuq oħrajn, minflok taċċetta u tirrispetta d-diversità u l-libertà tal-kuxjenza.

L-Ewroparlamentari Marlene Mizzi rreaġixxiet billi hi ukoll bagħatet email kkupjata lil MEPs kollha u lil assistenti u ddikjarat li l-kontenut ta’ din l-email ma tirrispettax il-prinċipju tal-fehmiet, is-solidarjetà, li ma jkunx hemm diskriminazzjoni għall-razza, reliġjon, kulur, sess etċ u fuq kollox it-tolleranza, kif inhu mistenni minn instituzzjoni demokrativa, bħal Parlament Ewropew.

L-MEP Mizzi, nnutat ukoll li l-Papa Franġisku, mhuwiex biss mexxej reliġjuz, iżda huwa ukoll kap ta’ stat u huwa għandu jkun milqugħ b’kortezija li normalment tingħata lill-Kapijiet ta’ Stat mill-Parlament Ewropew, kif sar f’diversi okkazjonijiet oħra.

“Ħadd mhu obbligat li jaqbel mar-reliġjon jew politika tiegħu. Ħadd mhu obbligat li jaċċetta l-etika jew l-opinjonijiet tiegħu. Imma ftit jistgħu jiddubitaw li l-messaġġ ta’ dan il-bniedem ser ikun wieħed ta’ unità u paċi – valuri li għandhom ikunu ta’ kulħadd, irrespettivament tat-twemmin politiku jew reliġjuż,” stqarret Marlene Mizzi.

Stqarret ukoll li ħasset li kellha tagħti l-opinjoni tagħha f’dan il-każ għax l-email kienet ta’ kontradizzjoni fit-termini tagħha.

Spjegat li filwaqt li dawn l-MEPs qed joġġezjonaw għaliex qed isostnu li ‘din iż-żjara tista’ toħloq kunflitt’, huma stess bl-atteġġjament tagħhom, qed iġibu kunflitt, għaż-żjara ta’ Kap ta’ Stat, sempliċiment minħabba t-twemin purament sekulari tagħhom – li mingħajr oġġezzjoni għandhom dritt għalih.

Temmet tgħid li wieħed jgħid li ż-żjara tal-Papa Franġisku se tkun “ta’ kunflitt” huwa inaċċettabli u jmur kontra l-prinċipju tal-libertà tal-kelma u l-assoċjazzjoni.

Fissret il-valuri tant meqjuma fl-istituzzjoni demokratika kif inhu l-Parlament Ewropew u esprimiet il-feħma li fuq kollox huma ukoll jistgħu ma jattendux.