Bena 100 dgħajsa fil-Birgu iżda mhux f’tarzna

Is-sengħa tal-bini tad-dgħajjes dari kienet konċentrata l-iktar mal-Port il-Kbir, bi ħwienet tax-xogħol fl-ibliet tal-Kottonera. Maż-żmien dawn bdew jagħlqu u llum il-ġurnata fadal ftit li tista’ tgħoddhom fuq il-ponot tas-subghajk.

Riħa taċ-ċana tilqgħek kif tmidd riġlejk fil-ħanut tax-xogħol ta’ Tunanu. Huwa l-laqam tal-familja Cassar. Ilu jiġri magħhom ġenerazzjonijiet sħaħ u jekk trid li ssibhom il-Birgu trid tfittxhom bil-laqam.

Ta’ Tunanu huma artiġġjani primi tad-dgħajjes tal-injam. Berry Cassar qal li għalih l-bini tad-dgħajjes hija passjoni li ma tintemm qatt. Tant li bejniethom, huwa u missieru ħadmu mhux inqas minn 100 dgħajsa tar-regatta bl-aħħar waħda qed tistenna li tiżżanżan mid-distrett ta’ Marsamxett fir-regatta ta’ Settembru.

Dak li għalina mad-daqqa t’għajn huwa sempliċiment opra tal-baħar, għal ta’ Tunanu hija opra tal-arti. Mhux biss – għax trid issir b’reqqa kbira u skont regolamenti stretti, specjalment jekk hija dgħajsa tar-regatta, bħalma hija din tal-midalji b’tul t’24 pied.

Berry għadu kemm rebaħ premju tal-artigijanat għal din il-frejgatina ta’ seba’ piedi. Iħoss iżda li s-sengħa tal-bini tad-dgħajjes qed tnin bil-mod il-mod u jibża li tispiċċa fix-xejn.

Fost l-għodda – magni moderni u oħrajn qodma bħar-raxketti, il-munxar u tant oħrajn, Berry jgħid li l-ħolma tiegħu hija li jagħmel dgħajsa tal-pass.