Barranin
Mart El Chapo arrestata fuq traffikar ta’ droga fl-Istati Uniti

Emma Coronel Aispuro ta’ 31 sena, li hija mart il-baruni tad-droga Joaquin Guzman, magħruf bħala El Chapo, ġiet arrestata fuq traffikar ta’ droga fl-Istati Uniti.

Aispuro, li għandha żewġ ulied flimkien ma’ Guzman, ġiet arrestata f’Dulles International Airport, viċin Washington DC.

Hija qed tkun akkużata li kkomplottat biex titraffika l-kokaina, il-metamphetamine, l-eroina u l-kannabis, kif ukoll li kkomplottat biex tħarrab lil żewġha minn ħabs fil-Messiku fl-2015.

Huwa kien tħarrab mill-ħabs ta’ sigurtà massima f’Altipano permezz ta’ mina li tħaffret għal taħt il-ħabs minn proprjetà fil-viċin li xtraw uliedu apposta għal dan il-għan. Qed ikun allegat li hija ppruvat tħarrbu wkoll darb’ oħra qabel ma’ ġie estradit lejn l-Istati Uniti fl-2017.

Guzman, li llum għandu 63 sena, kien imexxi l-kartell tad-droga ta’ Sinaloa, li jingħad li kien l-ikbar fornitur tad-droga fl-Istati Uniti. Huwa qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs fi New York.

Ara wkoll:

Għomor il-ħabs għal El Chapo – il-kap tal-ikbar ċirku ta’ droga fil-Messiku