Politika
AĠĠORNAT: Marthese Portelli tirriżenja minn deputat

Id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli rriżenjat minn Membru Parlamentari. Hija ħabbret dan fuq il-midja soċjali, fejn qalet li bid-deċiżjoni tagħha infurmat lill-Ispeaker tal-Kamra.

“Il-politika għandha tintuża biss biex jitkattar il-ġid komuni. Nawgura minn qalbi lil kull min jidħol fil-politika sabiex jidħol biss biex jagħmel il-ġid,” qalet Dr Portelli.

Dr Portelli awgurat lill-membri parlamentari ħidma fejjieda fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi, u ħeġġithom biex jaħdmu biss għal dak li hu sew u għal dak li hu fl-aħjar interess tal-pajjiż “permezz ta’ politika ta’ persważjoni u mhux politika tal-għajjat u tgħajjir.”

Qalet li dawn is-seba’ snin ta’ ħidma parlamentari se tibqa’ tgħożżhom, u li matulhom ressqet ’il fuq minn 300 proposta f’oqsma diversi.

Hija rringrazzjat lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni Adrian Delia u lill-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tal-fiduċja illi qalet dejjem urew fiha, kif ukoll lill-kollegi ta’ kull naħa fil-Parlament u lill-poplu li eleġġiha.

Marthese Portelli li għandha 43 sena ġiet eletta l-ewwel darba fil-Parlament fl-2013. Fl-aħħar elezzjoni ġenerali hija giet eletta wkoll minn żewġ distretti; mit-tlettax-il distrett u mid-disa’ distrett. Hija kienet ċediet it-13-il distrett, u għalhekk issa mistenni li tinfetaħ it-triq għal by election fid-disa’ distrett biex jimtela s-siġġu vakat tagħha.

Il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, waqt li faħħar il-kontribut li tat fil-politika, irringrazzjaha u ħeġġiġha tibqa’ tagħti l-kontribut tagħha b’risq il-Partit Nazzjonalista u l-pajjiż.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Benesseri tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Claudio Grech ippropona li l-għajnuna li ħabbar il-Gvern għal setturi li ntlaqtu mill-pandemija tkun estiża lill-ħaddiema kollha li ntlaqtu mill-imxija. Ippropona ukoll…

Kronaka

Ingliż ta’ 56 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident fil-Gżira. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-għaxra ta’ filgħodu, meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha fl-inħawi magħrufa bħala Manoel Island,…

COVID-19

Il-linja tal-ajru Ryanair qalet fi stqarrija li hekk kif il-maġġoranza tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqqfu t-titjiriet minn u lejn pajjiżhom, dan wassal biex iktar minn 90% tal-ajruplani tagħha mhumiex jintużaw. Qalet…

COVID-19

Inġiniera mill-Università ta’ Malta qed jibnu apparat li jiddiżinfetta l-maskli, bil-għan li dawn ma jintużawx darba biss u jintremew. Qalet dan fi stqarrija l-Università ta’ Malta, li saħqet li dan…

Aktar