COVID-19
Mas-60,000 niżżlu l-contact tracing app u 6 persuni diġà użawha

Il-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, qalet li minn meta tnediet il-Covid-19 tracing app il-ġimgħa li għaddiet, din tniżżlet mas-60,000 darba.

Prof Gauci qalet li fuq Andorid din l-app tniżżlet 43,334 darba u fuq l-Apple tniżżlet 16,394 darba. Kien hemm ukoll rekord ta’ nies li daħlu fis-sit elettroniku tal-awtoritajiet tas-saħħa biex isiru jafu iktar dwar l-app.

Minn dawk li niżżlu l-app, diġà hemm sitt persuni li ttestjaw pożittivi u ngħataw kodiċi biex idaħħluh fl-app, u b’hekk jiġu infurmati l-persuni li kienu viċin tagħhom fil-jiem ta’ qabel billi jirċievu messaġġ fuq l-app.

Fakkret li din l-app tirrispetta l-privatezza tal-individwi u hija konformi mar-regolamenti tal-GDPR. L-app ma taħdimx bil-GPS, imma bil-Bluetooth, fejn dawk li kienu ħdejn il-persuna infettata f’inqas minn żewġ metri u iktar minn kwarta jirċievu messaġġ.

Prof Gauci tenniet li iżjed ma jkun hemm nies li jniżżlu l-app iktar se taħdem aħjar.

Tista’ ssegwi hawn il-konferenza tal-aħbarijiet:

https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/328928355042173