Saħħa
Mas-60,000 pazjent se jgawdu minn iżjed mediċini b’xejn – Il-DPM Fearne

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li fil-budget għas-sena d-dieħla l-Gvern se jivvota somma rekord ta’ €972 miljun għall-qasam tas-saħħa.

Il-Ministru Fearne qal dan f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ta ħarsa lejn il-qasam tas-saħħa u qal li l-flus se jiġu investiti f’iktar faċilitajiet, mediċini b’xejn u servizzi ġodda.

Huwa semma kif b’iżjed mediċini b’xejn fuq il-formolarju tal-gvern huwa stmat li se jibbenefikaw mas-60,000 pazjent ġdid b’investiment ta’ kważi 10 miljun ewro.

Fost il-proġetti li semma li se jsiru, Dr Fearne rrefera għall-estensjoni fid-dipartiment tal-medical imaging u d-dipartiment tal-emerġenza fl-isptar Mater Dei, kif ukoll MRI ġdid fl-isptar Ġenerali t’Għawdex, kif ukoll il-ftuħ ta’ bereġ ġodda f’diversi lokalitajiet fil-bidu tas-sena d-dieħla.