
Tliet edituri u ‘l fuq minn 70 ġurnalist minn kamra tal-aħbarijiet indipendenti fl-Ungerija rriżenjaw minħabba li qalu li hemm interferenza mill-gvern li qed toħnoq il-libertà tal-istampa.
Il-ġurnalisti kienu jaħdmu mas-sit elettroniku tal-aħbarijiet Index, li jingħad li huwa wieħed mill-ftit sorsi indipendenti li għad fadal fil-pajjiż.
It-tensjoni bdiet xhur ilu meta Miklos Vaszily, negozjant favur il-Prim Ministru Viktor Orban, xtara 50% mis-sehem tar-reklamar u l-assi tal-kumpanija.
Wara li x-xahar li għadda l-kap editur Szabolcs Dull wissa li l-kamra tal-aħbarijiet tinsab taħt pressjoni kbira, huwa tkeċċa kmieni din il-ġimgħa. Il-ġurnalisti qalu li qegħdin jirriżenjaw għaliex il-bord ma jridx jagħti lil Dull lura xogħlu.
Il-President tal-bord ċaħad li l-midja kienet f’riskju, u qal li Dull ma kienx irnexxielu jikkalma t-tensjonijiet fil-kamra tal-aħbarijiet.