Turiżmu
Mas-7,000 għaddas se jiġu Malta matul dan is-sajf

F’madwar tliet xhur madwar 7,000 għaddas minn bosta pajjiżi barranin applikaw biex jibbenefikaw mill-iskema tal-Awtorità tat-Turiżmu bħala parti mill-pjan ta’ rkupru tal-Gvern biex iħajjar iktar turisti jżuru Malta, b’mod speċjali fix-xhur tas-sajf.

Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo qal lil TVM li l-parti l-kbira tal-benefiċjarji huma turisti Franċiżi, Taljani, Ġermaniżi u saħansitra wkoll għaddasa li ġejjin minn Dubaj.

Minn April li għadda, mindu tnediet skema biex tattira aktar għaddasa lejn il-gżejjer Maltin, ‘il fuq minn 7,000 turist applikaw biex igawdu l-ġmiel li hemm f’qiegħ l-ibħra Maltin.

Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo f’kummenti lil Television Malta u spjega kif kien hemm turisti minn pajjiżi varji fost l-applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorità tat-Turiżmu għal din l-iskema.

“‘Il fuq minn 7,400 applikazzjoni minn pajjiżi madwar id-dinja, b’mod partikolari wkoll mill-Ewropa fosthom minn Franza, mill-Ġermanja u anki mill-Italja, kif ukoll minn pajjiżi oħrajn pereżempju minn Dubai”.

F’April li għadda, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ħabbret li se tagħti inċentiv ta’ €100 għall-ewwel 7,500 għaddas li jibbukkja btala f’Malta biex jipprattika d-delizzju tiegħu.

Din l-iskema tnediet bħala parti mill-programm ta’ rkupru għas-settur turistiku li fih il-Gvern qed jinvesti mal-€20 miljun.

Iċ-Chairperson tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia qal li l-awtorità qed iżżid l-attrazzjonijiet ta’ taħt il-baħar li hawn fl-ibħra Maltin biex tkompli tagħti spinta lil Malta bħala destinazzjoni ewlenija għall-għaddasa.

“Inti trid tistimula t-turiżmu permezz ta’ din l-iskema t-turiżmu tad-diving lejn pajjiżna però naturalment trid issaħħaħ il-prodott għax inti d-‘divers’ trid iġġibhom lejn pajjiżna sabiex ikollhom prodott tajjeb”.

Dr Gulia qal dan fl-isfond tal-operazzjoni li saret biex il-patrol boat P33 li kienet tintuża mill-Forzi Armati tegħreq f’qigħ il-baħar lil hinn mix-xatt ta’ Marsaskala.

Huwa temm jgħid li b’hekk l-għaddasa se jkollhom firxa usa’ ta’ attrazzjonijiet, anke fin-Nofsinhar ta’ Malta.