Reliġjon
Mas-sittin relikwa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann – fosthom spina mill-kuruna ta’ Kristu

Ir-relikwi tal-qaddisin jindikaw apprezzament kbir għall-ħajja ta’ qdusija li għexu l-qaddisin u anke jservu ta’ ispirazzjoni biex dawk li jemmnu jħossuhom ferm aktar viċin il-qaddisin billi jimitaw il-ħajja tajba li għexu dawn in-nies f’kuntesti soċjali differenti. Matul is-sekli f’Malta nġiebu aktar minn 60 relikwa fosthom biċċa mill-kuruna ta’ Kristu li jinsabu miġbura flimkien f’żewġ ornamenti wieħed tal-injam u ieħor tal-fidda li ngħataw bħala rigal mill-Granmastru Pinto.  Il-kuratur tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Cynthia de Giorgio, qalet li għall-festa tal-qaddisin kollha dawn jitpoġġew fuq l-artal tal-Konkatidral ta’ San Ġwann għall-venerazzjoni tal-pubbliku.

“Fost ir-relikwi oħrajn importanti li għandna hemm spina mill-kuruna ta’ Kristu u anke biċċa injama mill-maxtura tiegħu . L-iktar waħda li għandha valur storiku hija biċċa injama mis-salib ta’ Kristu li nghidulha il vero legno u dik ġabuha minn Ġerusalemm jiġifieri ċ-ċans li hija relikwa awtentika hija li wieħed jista’ jikkonsidra.”

Matul iż-żmien ir-relikwi kienu venerati ħafna tant li l-pellegrini kienu jivvjaġġaw mijiet ta’ mili biex iżuru santwarju fejn tkun qed tinżamm ir-relikwa.

“Kull relikwa beda jkollha sabiħ u mżewwaq djamenti u ħaġar oħrajn prezzjużi u anke kien ikollhom il-container jew tad-deheb jew tal-fidda. Hawnhekk il-kavallieri peress li kien ilhom attivi mill-medjuevu f’Ġerusalemm kellhom l-opportunità li jiġbru ħafna relikwi infatti hawnhekk għandna aktar minn 60 relikwa. L-iktar relikwa importanti li kellha San Ġwann kienet l-id ta’ San Ġwann Battista li biha għamel il-battesimo ta’ Kristu però sfortunatament ma għadhiex hawn għax l-aħħar Gram Mastru Hompesh ħadha miegħu.”

Ir-relikwi fosthom ta’ Sant’Ursola, tal-Madalena, ta’ San Klement u anke biċċa drapp mil-libsa tal-Madonna jinżammu fil-Kappella tar-relikwi fil-Konkatidral ta’ San Ġwann.