Lokali
MASRI bħal Alexa u Siri: l-ewwel teknoloġija għat-traskrizzjoni awtomatika tat-taħdit bil-Malti

Dokumentarju ġdid ta’ Television Malti janalizza u jevalwa l-isfidi li qed iħabbat wiċċu magħhom l-ilsien Malti fl-era tal-globalizzazzjoni bħall-pressjoni dejjem akbar minn lingwi oħra u l-użu waqt it-taħdit ta’ kliem jew frażijiet mislufa mill-Ingliż. “Il-Malti: ilbieraħ, illum u għada” jippreżenta dawn l-isfidi b’sensiela ta’ intervisti li jkopru aspetti differenti mit-teknoloġija sal-mużika u t-teatru. Din il-produzzjoni qed issir b’kollaborazzjoni bejn Television Malta u l-Akkademja tal-Malti f’għeluq l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha.

Fl-Istitut tal-Lingwsitika u t-Teknoloġija tal-Lingwa fl-Università ta’ Malta, qed tiġi żviluppata l-ewwel teknoloġija għat-traskrizzjoni awtomatika tat-taħdit bil-Malti. Il-Professur Albert Gatt u tim ta’ esperti minn oqsma differenti, inkluż akkademiku Messikan li Malti ma jafx, qed jaħdmu fuq il-proġett li tlaqqam MASRI.

“L-idea hi li jkollna sistemi li tkellimhom b’mod naturali u s-sistema mit-taħdit tiegħek tmur għat-traskrizzjoni, jkun hemm it-test li jikkorrispondi għal dak li għidt biex imbagħad iservi bħala input għal affarijiet oħra, jiġifieri jkollok il-possibilità li tagħti kmand lill-computer bil-vuċi jew kmand lill-mobile bil-vuċi.”

Lenti fuq l-iżvilupp ta’ din it-teknoloġija bil-Malti, li tixbaħ il-Google Assistant, Alexa ta’ Amazon jew Siri ta’ Apple, se tintefa’ waqt id-dokumentarju “Il-Malti: ilbieraħ, illum, għada” – produzzjoni ġdida ta’ Television Malta li se tesplora l-isfidi tal-ilsien Malti f’dinja globalizzata.

Fid-dokumentarju diversi minn dawk intervistati jisħqu li biex il-Malti, bħala lsien, jibqa’ relevanti – jinħtieġ li l-Maltin iħarsuh mhux billi jiffossilizawh imma billi jużawh u jħalluh jevovi skont il-ħtiġijiet fil-ħajja ta’ kuljum. Minkejja l-impressjoni li ħafna minna jista’ jkollna li l-użu ta’ frażijiet u kliem mill-Ingliż fit-taħdit ta’ kuljum jaf jagħmel ħsara lill-ilsien Malti, Dr Olvin Vella jisħaq li l-Malti mhux mhedded daqs kemm naħsbu.

“Le, il-qlib tal-kodici huwa fenomenu normali f’soċjetà bilingwi. insibuh f’komunitjajiet ta’ barra. Int ma taqlibx Malti Ingliż għax tkun monolingwi. L-antiki tagħna ma kinux jaqilbu minn Malti għall-Ingliż għax ma kinux jafu għajr il-Malti.”

Mistoqsi x’futur għandu l-Malti, Dr Vella qal “jekk noqogħdu mar-riċerka għandu futur għax se jibqa’ ħaj imma rridu niggarantixxu li l-ġenituri u n-nanniet jgħadduh lil uliedhom u neputijiet”.

Bis-sehem tal-band The Travellers, id-dokumentarju jħares lejn l-isfidi ewlenin tal-Malti fid-dinja tal-mużika, fost iż-żgħażagħ, fid-dinja tax-xogħol u fil-ħajja pubblika u dik socjali, imma wkoll fid-dinja tal-kotba, it-teatru u x-xandir. Id-dokumentarju qed isir mill-PBS b’kollaborazzjoni mal-Akkademja tal-Malti f’għeluq l-ewwel ċentinarju mit-twaqqif tagħha bħala l-Għaqda tal-Kittieba tal-Malti. L-ewwel minn tliet episodji jixxandar nhar il-Ħadd fl-10.05pm fuq TVM.