Politika
Mat-3,000 familja se jibbenefikaw minn rati ogħla tal-in-work benefit

Sal-aħħar tas-sena madwar 3,000 familja se jibbenefikaw minn rati ogħla tal-in-work benefit li tħabbru mill-Gvern fil-pjan ta’ riġenerazzjoni ekonomika f’Ġunju li għadda.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li dan il-benefiċċju ħalla €16.5 miljun fil-bwiet tal-familji mindu daħal fis-seħħ ħames snin ilu.

Bdew jitħallsu r-rati l-ġodda tal-in-work benefit, li jingħata lill-persuni li jaħdmu bi dħul baxx u li għandhom it-tfal taħt it-23 sena dipendenti fuqhom.

Koppji li jaħdmu t-tnejn u jaqilgħu bejniethom sa €26,000 fis-sena, issa huma eliġibbli għal €1,400 għal kull wild. L-istess ammont se jingħata lill-ġenituri waħidhom li jaqilgħu sa €18,200 fis-sena. Koppja b’persuna waħda li taħdem u taqla’ €22,000 fis-sena, se tibbenefika minn €630 għal kull wild.

Is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Mark Musù, qal li r-rati l-ġodda żdiedu bejn €30 u €100 fis-sena, bl-ikbar ammont jingħata lil dawk bl-inqas dħul.

Il-Ministru Falzon qal li mindu l-miżura daħlet fis-seħħ fl-2015, ibbenefikaw minnha madwar 7,400 familja.

Dwar il-miżuri soċjali għall-Budget li ġej, il-Ministru Falzon qal li l-Gvern impenjat li jkompli jsaħħaħ il-benefiċċji soċjali għal min hu l-iktar batut.