Saħħa
Mater Dei bi prekawzjonijiet biex ma tinxteridx l-influwenza

Bl-influwenza tilħaq l-aqwa tagħha f’dawn il-jiem, l-Isptar Mater Dei sa dalgħodu anke kellu numru ta’ pazjenti fil-kuridur minħabba li s-sodod kollha jinsabu mimlija. Madankollu l-awtoritajiet tas-saħħa ċaħdu li l-virus tal-influwenza faqqa’ fl-isptar stess, waqt li sostnew li l-virus H1N1, li deher għall-ewwel darba fl-2009 u tlaqqam bħala swine fever, illum jista’ jiġi kkontrollat bil-vaċċin u bil-mediċina.

Għalkemm huwa minnu li fl-aħħar jiem fl-Isptar Mater Dei daħlu każijiet aktar mis-soltu ta’ pazjenti bl-influwenza, ma hemm l-ebda tfaqqiegħa tal-marda. Hekk sostna ma’ TVM il-Kap tad-Dipartiment tal-Prevenzjoni tal-Infezzjonijiet, il-Professur Michael Borg.

“Dawn il-pazjenti li qegħdin jissemmew fil-gazzetti huma pazjenti li daħlu l-isptar b’infezzjoni tas-sistema tan-nifs, jiġifieri kellhom l-influwenza meta ġew. Outbreak fil-każ tal-isptarijiet hu meta jkun hemm għadd ta’ pazjenti li daħlu l-isptar għal xi raġuni jew oħra u mbagħad meta jkun l-isptar jaqbadhom infezzjoni,” spjega l-Professur Borg.

Il-Professur Borg qal li mal-mument li daħlu l-pazjenti bl-influwenza skattaw il-proċessi ta’ prekawzjoni biex il-virus ma jinxteridtx.

“Dawn il-pazjenti kemm jista’ jkun nagħmluhom flimkien jew nagħmluhom f’kamra waħedha. L-istaff li qegħdin jieħdu ħsieb dawn il-pazjenti, l-iktar l-istaff, għax ikollhom kuntatt twil magħhom, intuhom maskla magħhom – surgical mask – u ovvjament l-iġjene tal-idejn u din tgħodd fid-djar u l-isptar,” spjega Prof Borg.

Il-pazjenti bl-influwenza f’Mater Dei qed jingħataw mediċina apposta. “Għall-virus tal-influwenza għandna mediċina. Din tingħata lill-pazjent għal ħamest ijiem wara li dan ikollu s-sintomi tal-influwenza.”

TVM huwa infurmat li sal-Ġimgha filgħodu, kien hemm mat-tletin pazjent jistennew fil-kuridur li ġie attrezzat b’dak kollu meħtieġ minħabba li s-sodod fis-swali huma mimlija kollha. Ġie rappurtat li numru sostanzjali ta’ pazjenti fl-influwenza ittieħdu Mater Dei mir-residenza tal-anzjani San Vincenz De Paule.

Iċ-Chairman tad-Dipartiment tal-Patoloġija, Dr Chris Barbara, spjega li l-influwenza ma tittiħidtx mill-arja, iżda mill-għatis u s-sogħla. “Dak li jkun dejjem jingħalaq f’postijiet magħluqa minħabba l-kesħa u hu dak iż-żmien li jkollna n-numru fl-istaġun ta’ każijiet u kwantità tagħhom… Kif fil-fatt naraw fin-numru ta’ admissions li jidħlu fl-isptar fejn qisu issa lħaqna l-peak u n-numru massimu ta’ każijiet li bdew deħlin.”

Il-Ministeru tas-Saħħa qal li l-virus tal-influwenza, magħruf bħala H1N1, feġġ għall-ewwel darba fl-2009 u minn dak iż-żmien ‘l hawn ġew żviluppati l-mediċini biex jilqgħu u jikkuraw dal-virus tal-influwenza.