Lokali
Materjal li jisfrutta lit-tfal sesswalment huwa abbuż, mhux pornografija – Miriam Dalli

Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Miriam Dalli qalet li materjal li jisfrutta lit-tfal sesswalment m’għandux jissejjaħ pornografija, imma abbuż. L-MEP sostniet li meta wieħed jidentifika dan l-abbuż bħala pornografija jkun qed jinsulenta lill-eluf kbar ta’ tfal li huma vittmi ta’ dan ir-reat.

L-MEP Dalli qalet dan fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal kontra l-Isfruttament Sesswali u l-Abbuż Sesswali,  bħala shadow rapporteur f’isem l-S&D.

Din il-ġimgħa l-kumitat għal-Libertajiet Ċivili fil-Parlament Ewropew ivvota favur rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal.

Waqt il-ħidma ta’ Dr Dalli fuq dan ir-rapport hija ltaqgħet ma’ Facebook, Thorn, Internet Watch Foundation, EURISPA u l-Kummissarju Malti għat-Tfal.
“L-abbuż dejjem jibqa’ abbuż, abbuż sesswali huwa abbuż sesswali u rridu nidentifikawh bħala tali. Li nidentifikaw materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal bħala pornografija tat-tfal huwa insult kbir lil eluf u eluf ta’ vittmi ta’ dan ir-reat orribli,” qalet Dalli.

Fost in-nuqqasijiet identifikati f’dan ir-rapport hemm li ħafna drabi l-internet service providers ma jimxux mal-proċeduri sabiex ineħħu materjal t’abbuż sesswali fuq it-tfal minn fuq l-internet.

Waqt diversi interventi li għamlet, Dalli saħqet kemm-il darba fuq l-importanza li jitneħħa materjal abbużiv sabiex verament ikunu protetti l-vittmi.
“L-imblukkar ta’ dan il-materjal mhux biżżejjed,” qalet l-MPE Dalli. “Jekk verament irridu ngħinu lill-vittmi irridu noħolqu rimedji addattati, li jinvolvu anke proċeduri legali.”