Qasam soċjali
Medja ta’ 10 persuni fil-ġimgħa jfittxu kenn f’ċentru f’Għawdex

Fi zmien ta’ pandemija, meta n-nies kienet għaddejja minn żmien ta’ inċertezza u solitudni,
iċ-Ċentru ta’ Ġesù Nazzarenu fix-Xagħra – li jinkorpora fih in-‘night shelter għall-anzjani – baqa’ joffri servizz ta’ kenn u solidarjeta lill-anzjani fil-kommunità.

Dan iċ-ċentru, li kien sar b’investiment ta’ €500,000, ilu joffri servizzi ta’ kenn għall-anzjani għal tlett snin.

Id-direttur taċ-Ċentru, Fr Anton Refalo, qal lil TVM li kemm ilu li sar dan iċ-ċentru, f’dawn l-aħħar tlett snin kien qed ikollhom madwar 10 anzjani matul il-ġimgħa li jitolbu l-kenn u l-wens.

Dun Refalo qal li dan il-proġett sar bl-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex li kien daħal garanti għall-proġett.

“Bħala familjari serħan il-moħħ mhux faċli li jidraw, għax hemm anzjani li jgħixu fid-djar għal diversi snin, mhux faċli li jiġu, imma mbagħad wara li jidraw ma jkunux iridu jitilqu”.

“Jien kont ngħix Malta, u ġejt ngħix Għawdex, u t-tifel ikun għax-xogħol u kont niġi bil-lejl u nibqa’ sa filgħodu, ma kien jonqosni xejn, hawn kollox għalija”, sostniet Doris Marmara, waħda minn dawk li tuża dan is-servizz.

Dun Refalo żied li “aħna bħala komunità, meta ħsibna li nibnu l-post, ridna ndaħħlu kunċett ta’ post ta’ wens għall-anzjani tagħna”.

Fiċ-ċentru, minbarra l-kmamar individwali b’faċilitajiet moderni għall-anzjani, hemm ukoll il-parti komuni fejn l-anzjani jgħaddu il-ħin flimkien.

Matul il-lejl l-anzjani jkollhom is-servizz ta’ ‘carers’ dedikati u ppreparati biex jassistu u jgħinu lill-anzjani, servizz li huwa provdut mill-Ministeru ghall-Ghawdex skont ftehim li kien sar mal-Knisja Għawdxija.

Dun Refalo qal li d-direzzjoni tad-dar qed taħdem flimkien mall-Ministeru għal Għawdex biex
jinbeda ukoll is-servizz ta’ trasport li jakkumpanja lil anzjani minn darhom u lura ghall-dawk li
m’għandhom lil ħadd iwassalhom.