Lokali
Medja ta’ 3 vittmi ġodda fil-ġimgħa jfittxu l-għajnuna tal-Caritas minħabba l-użura

Il-Caritas tgħin medja ta’ tliet vittmi ġodda tal-użura fil-ġimgħa li minn jeddhom jersqu għall-għajnuna. F’sena tgħoddhom fil-pala t’id waħda l-vittmi li jaslu jmorru jirrappurtaw lill-Pulizija, anke jekk ma jittiħdux passi fil-Qorti fil-konfront ta’ min jissellef bl-użura. Social worker b’esperjenza ma’ vittmi tal-użura tagħti l-parir li l-bniedem imidd il-pass skont kemm jiflaħ u tappella għal edukazzjoni finanzjarja biex in-nies jagħrfu kif iħaddmu flushom sew.

L-użura, is-self ta’ flus fuq l-idejn b’imgħaxijiet ogħla mit-8% li tippermetti l-liġi hi bħal sqaq li ma jinfidx. Vittmi tal-użura rrakkuntaw ma’ Television Malta bil-kundizzjoni li jibqgħu anonimi kif spiċċaw daharhom mal-ħajt u għal €100 li ssellfu ntalbu jagħtu €200.

Bosta stejjer li smajna jinvolvu eluf kbar ta’ Ewro. Hemm min jintalab iħallas ukoll b’deheb. F’xi każi l-vittmi jispiċċaw f’sitwazzjoni ddisprata tant li jikkunsidraw itemmu ħajjithom. Bernardette Briffa, social worker ta’ Caritas Malta, qalet li f’dan kollu tilmaħ ħafna tbatija kkawżata mill-użuraj, li jisfruttaw il-bżonn ta’ ħaddieħor li jkun irid iħallas lura imma mhux fl-ammonti li jintalab.

“Tant li jkollok li min jissellef mingħand wieħed is-somma u mbagħad l-imgħax jissellfu mingħand xi ħaddieħor. Jien dan narah bħala għanqbuta. Għanqbuta maħduma tajjeb u sew u qisu hemm organizzazzjoni hemm barra li tara li dawn in-nies ma jaqgħux minn din l-għanqbuta.”

F’għajnejn l-istat, dan hu reat li jġorr piena sa sena u nofs ħabs, multa sa kważi €35,000 u l-qorti tista’ tordna lill-użuraj jagħti lura lil min issellef mingħandu l-ħlas żejjed fuq is-self. Għall-Knisja, jikser il-liġi ta’ Alla kif qal l-Arċisqof Mons. Charles Scicluna f’omelija ftit tal-ġimgħat ilu.

“Il-kmandament ta’ Ġesù mhux fl-ajru u l-kelma tal-Isqof hi ċara. Qed navża lil min qed jagħmel l-użura u jekk isawwat il-poplu tagħna billi jxaħħam butu, li dawk il flus huma misħuta u nisħithomkom jien!”

Mhux magħruf kemm hi kbira u mifruxa l-problema tal-użura. Dak miftiehem bejn min sellef u min issellef jibqa’ mistur bejn erba’ ħitan. Bernardette Briffa qalet li vittmi tal-użura jinħakmu minn biża’ kbir.

“Speċjalment meta dawn jiġu mhedda b’ħajjithom u bil-familja tagħhom u jħufu warajhom u jqisulhom il-passi tagħhom.”

Din l-istess biżà żżomm ħafna lura milli jitkellmu u jfittxu l-għajnuna. Is-Sinjura Briffa qalet li kull ġimgħa medja ta’ 3 persuni ġodda jħabbtu l-bieb tal-Fondazzjoni Vittmi Użura fi ħdan il-Caritas. Professjonisti tal-fondazzjoni jaħdmu fuq il-każ, jisimgħu lill-vittmi u jfasslu pjan ta’ azzjoni biex joħorġu minn dan l-isqaq.

“Jekk ikun hemm użuraj ta’ min jiddjaloga magħhom, jiddjalogaw magħhom l-użuraj u anke jħeġġuhom ibaxxu l-imgħaxxijiet u minn hemm hopefully il-bniedem jibda jieħu r-ruħ, imma mhux jieħu r-ruħ għax xi ħadd ħallaslu d-dejn imma jieħu r-ruħ, kif jgħid il-Papa, jerfa’ r-responsabbiltà ta’ dak li hu ssellef u jħallsu imma b’mod legali mhux b’mod illegali.”

Anqas vittmi jkunu lesti jagħmlu l-pass li jirrappurtaw l-użuraj lill-Pulizija. Kelliem għall-Pulizija qal li fl-aħħar tliet snin rċevew 9 rapporti ta’ użura. Il-maġġoranza tal-każi ngħalqu. L-istħarriġ dwar tlieta mir-rapporti għadu għaddej. Il-kelliem għall-Pulizija qal li l-vittma tal-użura ma jitressaqx il-qorti bħala akkużat iżda bħala xhud kontra min isellef.

Wieħed jista’ jagħmel kuntatt mal-Fondazzjoni Vittmi Użura permezz tat-telefown: 21331000.