Lokali
Melita tintroduċi internet aktar veloċi, id-deċiżjoni għall-għaqda bejn Vodafone u Melita għal xahar ieħor

Id-deċiżjoni tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur qalet li l-għaqda bejn il-kumpaniji Vodafone u Melita mistennija fi żmien xahar ieħor. Id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Kompetizzojni is-Sur Godwin Mangion qal lil tvm.com.mt li din hija l-ewwel darba li l-awtoritajiet Maltin qed japplikaw il-liġijiet Ewropej dwar il-kompetizzjoni biex jevalwaw jekk is-suq hux se jiġi affettwat ħażin minħabba l-għaqda bejn żewġ kumpaniji.

Sadanittant il-kumpanija Melita introduċiet għall-ewwel darba f’Malta il-Gigabit internet li żżid bil-kbir il-veloċità tal-internet.

Bid-deċiżjoni tal-Awtorità kompetenti biex il-Melita u l-Vodafone jingħaqdu għadha mdendla, il-Melita nediet servizz ġdid, il-Gigapower jew il-gigabit internet. B’veloċità li tlaħħaq il-biljun bit fis-sekonda, din it-teknoloġija tagħti ċ-ċans li films u xort’ oħra jitniżżlu minn fuq l-internet għaxar darbiet aktar malajr milli jippermettu l-ogħla veloċitajiet bħalissa. Fuq kollox għandha sservi ta’ attrazzjoni għal kumpaniji biex jinvestu f’Malta.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Melita Harald Roesch qal lil tvm.com.mt li l-proġett għandu jkopri l-pajjiż kollu sa tmiem is-sena d-dieħla, iżda l-mira taf tittardja f’każ li l-MCCAA tiddeċiedi kontra l-għaqda tal-kumpanija mal-Vodafone.

Harald Roesch qal li “of course the decision will influence the speed with which we can roll out the gigabit internet because this requires a lot of investment and it is a difference if we have to do it alone as Melita or if it is done combined by the company Vodafone Melita”.

L-investigazzjoni tal-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur dwar l-għaqda bejn iż-żewġ kumpaniji ġiet estiża b’xahar u issa d-deċiżjoni mistennija tingħata sat-12 ta’ Diċembru.

Id-Direttur Ġenerali fl-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Godwin Mangion ikkonferma ma’ tvm.com.mt li l-kumpaniji ippreżentaw numru ta’ kjarifiki għall-mistoqsijiet li tqajmu. L-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi f’Mejju li għadda kienet ħarġet kontra l-għaqda bejniethom għax qalet li dan jista’ jkun ta’ detriment għall-konsumaturi.

Sadanittant waqt it-tnedija tal-proġett il-ġdid minn Melita, is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali Silvio Schembri qal li bil-Gigabit internet, Malta qed tantiċipa l-mira tal-Kummissjoni Ewropea b’seba’ snin.

Silvio Schembri qal li “il-probabilità hija li anki fis-snin li ġejjin Malta se tibqa’ l-uniku pajjiż minħabba l-ingredjenti kollha li għandna, u allura rridu nħarsu lejn inizjattivi u opportunitajiet ġodda b’mod partikolari fl-edukazzjoni u s-saħħa b’mod prinċipali”.
01:02

Il-Gigabit internet bħalissa jista’ jintuża fil-Belt Valletta, f’Tas-Sliema u f’San Ġiljan.

 

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Permezz ta’ investigazzjonijiet, il-Pulizija waslet għal madwar 20 persuna li huma vittmi ta’ traffikar ta’ bnedmin. Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia fi tweet li bagħat illejla,…

Lokali

Atleta Malti tal-Ispecial Olympics, Gilmour Borg, intgħażel biex iservi ta’ ambaxxatur tal-organizzazzjoni SIGA, fil-missjoni tagħha li tippromwovi l-integrità fl-isport. L-atleta tal-Ispecial Olympics, Gilmour Borg, inħatar bħala ambaxxatur mal-alleanza globali tal-integrità…

Lokali

Żagħżugħ Somalu kien ikkundannat 16-il xahar ħabs wara li nstab ħati li rreżista lill-pulizija li kienu se jfittxulu għad-droga, bil-konsegwenza li kiser seba’ ta’ Surġent. Bashir Abdulahi Ahmed kien akkużat…

Aktar