Qorti
Melvin Theuma beża’ li Keith Schembri kien se jirranġa biex Fenech jitfa’ l-ħabs lilu

Fil-Qorti bdiet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ tal-imprenditur Yorgen Fenech, is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Il-kumpilazzjoni tax-xhieda bdiet tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. Yorgen Fenech qed jiffaċċja ħames kapi ta’ akkuża, fosthom li kien il-moħħ wara l-qtil tas-sinjura Caruana Galizia. Mix-xhieda tal-intermedjajrju Melvin Theuma li qed jixhed bil-proklama, ħareġ fost oħrajn li huwa beża’ li Keith Schembri kien se jirranġa biex Yorgen Fench jitfa’ lilu l-ħabs. Theuma xehed li Keith Schembri qatt m’għaddielu flus għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li l-mandant kien Yorgen Fenech.

L-ewwel xhud fl-ewwel seduta ta’ ħames sigħat tal-kumpilazzjoni fil-każ tal-imprenditur Yorgen Fenech, kien l-Ispettur Keith Arnaud, il-Kap tal-iskwadra tal-Omiċidji. Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, l-Ispettur Arnaud qal li l-pulizija segwew it-telefonati tal-aħwa Degiorgio u ta’ Vince Muscat, it-tliet irġiel mixlija li wettqu l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia anke waqt li kienu l-ħabs.

Mit-telefonati rriżulta li George Degiorgio kien iċempel lil ħuh Mario u kien isaqsih jekk iltaqax ma’ persuna li ma kienx jidentifika. Il-Pulizija bdiet issegwi l-movimenti ta’ Mario Degiorgio u ta’ Melvin Theuma li kien ikun ma’ Mario Degiorgio. L-Ispettur Arnaud xehed li saru jafu li Theuma kellu diżgwid ma’ persuna oħra li maż-żmien il-Pulizija skopriet li kien Yorgen Fenech.

L-Ispettur Arnaud kompla jgħid li bejn April u Ġunju li għadda, il-Pulizija skopriet li Theuma kien involut f’logħob tal-lottu klandestin u ħasil ta’ flus. Qal li Theuma gie arrestat mill-Ispettur Nicholas Vella. F’kaxxa li kellu instabu 3 mobile phones mitfija, USB drives, voice recorder u pakketti tal-karti li fosthom kellhom ritratti ta’ mobile phone b’għadd ta’ messaġġi.

Xehed li l-pulizija sabet li Theuma kellu n-numru tal-mobile ta’ Yorgen Fenech, għalkemm kien registrat taħt isem ieħor. Il-pulizija għaddiet id-devices li ġabret mingħand Theuma lill-Europol. L-ispettur Arnaud semma għadd ta’ recordings bejn Theuma u Yorgen Fenech. F’waħda mid-diskursati Theuma talab lil Yorgen Fenech biex jitkellem mal-Imħallef Mizzi jew mal-Prim Ministru biex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-ħelsien mill-arrest u Fenech qalu li żgur li mhux se jagħmel hekk.

L-ispettur Arnaud qal li tul is-sentejn ta’ investigazzjonijiet qatt ma kellhom informazzjoni li torbot Theuma ma’ persuni oħra involuti. Mir-recordings li Theuma għamel tat-taħdit tiegħu ma Fenech, jissemma Keith Schembri u certu Kenneth. L-ispettur xehed li fis-16 ta’ Novembru, team ta’ Pulizija u l-avukati ta’ Melvin Theuma waslu għal ftehim biex Melvin jagħti l-informazzjoni kollha jekk jingħata l-proklama.

Id-Difiża ta’ Fenech talbet li jinstemgħu r-recordings minħabba li sostniet li l-ispettur Arnaud ghamel ħafna konklużjonijiet fuqhom. Il-Maġistrat Montebello ċaħdet din it-talba f’dan l-istadju.

Fl-awla, li kienet mimlija nies, fosthom ġurnalisti lokali u barranin, il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia u uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u Pulizija, xehed ukoll l-intermedjarju Melvin Theuma.

Theuma qal li wara li serva bħala intermedjarju bejn Yorgen, li qal kien il-mandant tal-assassinju u l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat, beda jibża għal ħajtu minħabba li ta’ kull ġimgħa ħu l-aħwa Degiorgio beda jitolbu l-flus, fosthom darbtejn talbu 30 elf ewro, darb’ oħra 60 elf għax qallu għall-pleġġ. Xehed li anke kien talbu mat-3,000 ewro fil-ġimgħa. Theuma qal li darba minnhom ħuhom Mario wasslu messaġġ ta’ George Degiorgio biex wissieh jibża’ minnhom minkejja li qegħdin il-ħabs.

Theuma qal li meta beda jibża’ għal ħajtu mar għand Yorgen bil-pendrives tar-recordings li ħadlu tat-taħdit bejniethom kif ukoll ritratt li ħa ma’ Keith Schembri f’Kastilja meta Theuma qal li ġie offrut xogħol mal-Gvern, u ittra li fiha Theuma kiteb li qed jibża’ li Keith Schembri seta’ jirranġa biex Yorgen Fenech jitfgħu l-ħabs jew joqtlu.

Theuma qal li madankollu ma jistax jgħid li Keith Schembri qatt għaddielu flus għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li l-mandant huwa Yorgen Fenech. Huwa xehed li minħabba li l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat ma kinux jafux min hu l-mandant, beża’ li Yorgen se joqtlu bl-istess mod li qatel lil Caruana Galizia għax b’hekk jeħles mill-problema.

Id-Difiża talbet li ssir kontroeżami mill-iktar fis minħabba li sostniet li s’issa nstemgħet naħa waħda biss. Il-kumpilazzjoni se tkompli fid-dsatax ta’ Diċembru.

Ara wkoll:

X’ħareġ mill-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech? Segwi pass pass

Aħbarijiet Oħra
Politika

Mark Anthony Sammut, li kien qed jissemma bħala kandidat għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, ħabbar li mhuwiex se jikkontesta għal din il-kariga. Fuq Facebook, Mark Anthony Sammut kiteb illi huwa…

Politika

Il-Membru Parlamentari Therese Comodini Cachia ħabbret li mhux se tikkontesta għat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista. F’kitba fuq il-mezzi soċjali, Dr Comodini Cachia qalet li filwaqt li tinsab konvinta li l-PN għandu bżonn…

COVID-19

Is-Supretendent għas-Saħħa, il-Professur Charmaine Gauci mistennija tindirizza konferenza stampa dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’Malta fis-13:00. Mil-lum, il-Professur Gauci se tibda mill-ġdid tagħti lill-pubbliku rendikont tal-imxija f’pajjiżna kull nhar ta’ Ġimgħa.

Lokali

Il-Prim Ministru Robert Abela u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne mistennija jindirizzaw konferenza stampa dwar il-laqgħa u r-riżultati miksuba mal-MCESD. Il-konferenza stampa se tixxandar fuq tvm, tvm.com.mt u l-paġna facebook…

Aktar