Kronaka
Melvin Theuma bil-mod kif seta’ kkonferma mal-pulizija u paramediċi li wettaq il-ġrieħi fuqu stess

Waqt il-konferenza stampa tal-lum, il-Kummissarju Gafà kkonferma li Pulizija li daħal fil-post sab lil Theuma mixħut mal-art fil-kamra tas-sodda b’sikkina f’idu l-leminija.

Il-Pulizija fuq il-post talab lil Theuma x’ġara, u bil-mod kif seta’ wieġeb li kien hu li allegatament wettaq dan kollu u li ma kien hemm ħadd ieħor involut. Dan qalu wkoll quddiem il-preżenza tal-paramediċi.

Il-Kummissarju qal li l-pulizija daħlu fil-post wara li l-avukat ta’ Theuma, Kathleen Grima t-Tlieta filgħaxija infurmat lill-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fid-delitt li Theuma ma kienx qed jaqbadha meta pruvat tagħmel kuntatt miegħu biex tagħmillu kuraġġ dwar ix-xhieda li suppost kellu jagħti illum stess fil-Qorti. Flimkien mas-sieħba ta’ Theuma, li dak il-hin kienet barra, il-pulizija daħlu fl-appartament fi Triq is-Sirk is-Swieqi. Melvin Theuma kien insista mal-partner tiegħu tieħu ċ-ċwievet magħha dik inhar għax xtaq jidħol jorqod kmieni.

Il-Kummissarju qal li fl-ebda mument ma nstemgħet kommossjoni fil-blokka fejn jgħix Theuma, kemm mir-residenti u kemm mill-Pulizija għassa mal-blokka. Qal ukoll li ma nstabu l-ebda marki jew sgass fuq l-aperturi tal-appartament tiegħu bl-unika tieqa miftuħa tkun dik li tagħti għax-xaft.

Theuma nstab b’diversi ġrieħi fosthom f’għonqu, fuq il-polz u fejn il-kustilji, bil-Kummissraju jgħid li l-esperti s’issa qed jgħidu li Melvin Theuma allegatament prova jweġġa’ lilu nnifsu hekk kif id-demm li nstab kien ikkonċentrat, li s’issa jindika li ma kien hemm l-ebda involviment ta’ terzi persuni.

Melvin Theuma ttieħed immedjatament l-isptar fejn ġie operat b’urġenza għaliex kien f’kundizzjoni gravi iżda bħalissa jinsab f’waħda stabbli.

Il-Kummissarju Gafà qal li Melvin Thuema kien bniedem ħieles u li kellu dritt għall-privatezza fil-ħajja personali tiegħu u għalhekk il-protezzjoni kienet tingħata lilu mill-bieb ‘il barra. Ikkonferma li mal-blokka ma hemm l-ebda CCTV installati iżda l-pulizija għassa kienu jieħdu nota ta’ min jidħol u joħroġ mill-blokka tal-appartamenti.

Il-konferenza tal-aħbarijiet ġiet indirizzata mill-Assistent Kummissarju Martin Sammut, l-Assistent Kummissarju tal-Major Crimes Unit Sandro Gatt, l-Ispettur Keith Arnaud li huwa l-investigatur ewlieni fl-omiċidju tas-Sinjura Caruana Galizia u l-Kummissarju Angelo Gafà.

Il-Kummissarju Gafà temm il-konferenza stampa billi wiegħed li l-Korp se jkun eqreb lejn il-pubbliku u lejn il-midja.

Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mill-Maġistrat Astrid May Grima li bdiet tiġbor il-provi mix-xena tal-inċident fosthom is-sikkina li ntużat f’dan l-attentat ta’ suwiċidju.

Mistoqsi mill-midja dwar rekordings li ħa Theuma, u li fl-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni tax-xhieda ma setgħux jinstemgħu fil-Qrati minħabba d-diffikultà teknika, il-Kummissarju qal li dawn it-tmien rekordings qed jiġu analizzati mill-Pulizija flimkien mal-investigaturi tal-Europol.

Ara l-konferenza stampa hawn: