Qorti
‘Mietu daqstant bulijiet, ma tmutx din’ – Theuma dwar x’qallu ċ-Ċiniż

Melvin Theuma jidher quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit

Quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit qed tkompli il-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat li jinsabu akkużati li qatlu lil Caruana Galizia f’karozza bomba fis-16 ta’ Ottubru 2017.

Fil-bidu tas-seduta l-ispettur Keith Arnaud qal li Melvin Theuma ngħata proklama fit-25 ta’ Novembru 2019 u għaldaqstant mhux se jittieħdu passi kriminali fil-konfront tiegħu kemm il-darba jżomm mat-termini tal-istess proklama.

L-Avukat Cuschieri qal li tnedew proċeduri legali, l-ewwel permezz ta’ protest ġudizjarju u sussegwentament se ssir kawża biex tiġi attakkata l-proklama li ngħatat lil Theuma għar-raġunijiet imniżżla fil-protest ġudizzjarju. S’issa mhux magħruf x’kien l-eżitu tal-protest ġudizzjarju. 

 Kien ħabib ma’ Yorgen, kien isiefer miegħu

Fix-xhieda tiegħu, is-Sur Theuma rrikonoxxa lill-akkużati fl-awla u qal li jafhom kollha. L-ewwel li kien jaf hu lil Alfred u mbagħad lill-bqija. Darba, qal Thuema li Darren Debono u Alfred Degiorgio marru għandu għax kellhom bżonn xi flat għall-kiri.

Theuma qal li kien ħabib ma’ Yorgen, kien isiefer miegħu, u jsuq hu. L-ewwel li kien jaf kien lil zijuh, Ray Fenech u mbagħad Yorgen sar jafu minn fuq il-logħob bl-idejn.

Theuma qal kien krielu ħanut lil Yorgen f’Ħal Qormi u daħħlu wkoll taxi driver il-Hilton xi ħames snin ilu.

Yorgen Fenech talbu jekk jafx lil George Degiorgio għaliex kellu bżonn joqtol lil Caruana Galizia

Darba ċempillu Yorgen u talbu jmur Portomaso għax ried ikellemu. Kien l-2017, bejn ġimagħtejn, tliet ġimgħat qabel li l-Prim Ministru ħabbar elezzjoni. Yorgen talbu jekk jafx lil George Degiorgio għaliex kellu bżonnu biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia għaliex kienet se toħroġ informazzjoni dwar zijuh, Ray Fenech. Theuma qal li hu kien jaf lil Alfred u ċempillu u ftehem miegħu l-għada fejn it-tinda tal-patata l-Marsa.

Hemmhekk, iltaqa’ ma’ Alfred u qallu li hemm xi ħadd irid joqtol lil Caruana Galizia. Degiorgio staqsih jekk dan hux lest li jħallas. Reġġgħu ltaqgħu jumejn wara f’Kafetterija rinomata fl-Imsida. Degiorgio qallu li dwar it-talba kien tkellem ma sħabu u qallu li tal-biċċa xogħol qed jitolbu €150,000 bi  €30,000 bil-quddiem u €120,000 jitħallsu wara. Theuma wassal dan kollu lil Yorgen. Xi jumejn wara reġa’ ċempillu Yorgen informah li se jċempillu ċertu Sandro Kraus minn Kastilja. Dan ċempillu, u qallu li għada għandu appuntament ma’ Keith Schembri f’Kastilja. L-għada, Theuma mar Kastilja u f’nofs it-taraġ tal-bieb niżel Keith Schembri, ħadlu b’idejh, dawaru ma’ Kastilja, ħadu ritratt flimkien u qallu li issa se jkellmu Craus għax għandu xogħol.

Lil Keith Schembri kien iltaqa’ miegħu f’xi ikla li organizza Yorgun u Keith kien mistieden. F’ħajtu, Theuma qal li ma’ Keith Schembri ltaqa’ darbtejn, darba l-ikla u dik id-darba f’Kastilja. L-għada Thuema mar il-Ministeru u staqsa għal Tony Sammut/Muscat. Staqsewh jekk jafx jikteb xi email, u qalilhom li iva u li se jitħalla b’ċekk, imma dan ma baqgħux jibgħatuh wara li għaddiet l-elezzjoni. Theuma qal li qatt ma kien daħal għax-xogħol, ma kienx jaf fejn kien jaħdem. Wara li tħabbret l-elezzjoni, Yorgen qallu biex jgħaddi l-messaġġ “Waqqaf kollox. Għalissa xejn.”

Melvin iltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio l-kafetterija biex jgħaddi l-messaġġ. Flus ma kien ħareġ xejn Yorgen u biex ma jaqax għaċ-ċajt, ħareġ €1,500 u tahom lil Alfred li qallu li jispera li min kien lest iħallas ma kienx ser iqabbad lil ħaddieħor.

Lil Yorgen, Theuma kien jilgħablu flus li se jitla’ l-Labour b’20,000 vot. Meta tela’ l-Labour il-Ħadd, ċempilli Yorgen u qalli hemmhekk erġa’ mexxi fuq Daphne Caruana Galizia.  Xi ġimagħtejn wara ċempillu biex imur għalih ħa jwasslu l-airport għax kien se jsiefer. Fetaħ il-bagalja u ħareġ envelope kannella bil-flus għal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Ħin kollu jgħidlu jgħaġġel ħa joqtluha għax se toħroġ l-informazzjoni

L-għada mar jiltaqa’ ma’ Alfred Degiorgio fl-istess kafetterija u qallu biex imexxi bil-qtil. Kif ħarġu mill-kafetterija tah it-€30,000. Theuma qal li għadd il-flus, b’kollox Yorgen tah €150,000. Il-bqija, il-€120,000 għandu dubju tefagħhomx fis-safe deposit box tal-BOV Marsa u lanqas li ħariġhomx wara.  Minn dak inhar ‘l hawn, Yorgen ċempillu l-ħin kollu jgħidlu jmur jgħaġġel ħa joqtluha għax se toħroġ l-informazzjoni. Qabdu jgħid li mhux għas-Sur Ray Fenech kienet se tikxef l-informazzjoni iżda fuqu, Yorgen. Theuma qal li qatt ma qal lil Alfred Degiorgio min kien bagħtu. Qal ukoll li Yorgen qallu li jqis li ma jmurx jiġri bħall-każ ta’ Romeo Bone u ma joqtluhiex għax tiġi agħar. Alfred Degiorgio qallu biex iserraħ moħħu.

Theuma kompla jgħid li tkellem ma’ George Degiorgio u qallu li ”qed tinkwetana din, imma mietu daqstant bulijiet, ma tmutx din”.

Theuma rrakkonta wkoll li Alfred Degiorgio staqsa fejn tkun Caruana Galizia. Theuma staqsa lil Yorgen u dan wieġbu b’żewġ postijiet, it-tela’ tan-Naxxar f’kafetterija quddiem il-bandli u ristorant fir-Rabat. Sa dak iż-żmien, Theuma ma kienx jaf kif kien se jsir il-qtil. Theuma kellu mobile li kien jużah biex ikellem lil Alfred.

Irrakkonta wkoll kif darba minnhom, Alfred Degiorgio tellgħu l-Bidnija biex jurih li qed jagħmel ix-xogħol u wrieh id-dar ta’ Daphne Caruana Galizia, dan biex jagħti risposta lill-mandant. Alfred Degiorgio spjegali l-post fejn kien ikun għassa jittawlilha bit-tromba. Qal li ġieli għamel ġranet hemm u qallu li jmur ħafna hemm josserva. Qallu wkoll li kienet se tkun lesta l-ġrajja iżda nzertaw road block tal-pulizija fejn roundabout u kellhom jerġgħu jdawru.

Qal li Fenech biss kien qallu bil-biċċa, ħadd aktar ma kien ipressah biex tinqatel il-ġurnalista

Theuma qal li ma kienx jaf id-data meta kellha tinqatel u lanqas bil-bomba.

Ħamest ijiem jew sitt ijiem qabel, Theuma rrakkonta kif ma setax jaqbdu lil Alfred. X’ħin iċempillu Yorgen, kien iċempel lil Alfred. Yorgen kien qed jippressah biex ifittex imur ikellem lil Degiorgio l-għaliex l-informazzjoni kienet waslet biex toħroġ.

Dak inhar tal-qtil, kien għadu kemm wasal id-dar mix-xogħol. Beda jibża’ li se jinqabad u ċempel lil Yorgen, mar ħdejh Portomaso u qallu. Qallu biex ma jinkwetax għax il-pulizija ta’ Malta kienet se tinvestiga. Theuma qal li Fenech biss kien qallu bil-biċċa, ħadd aktar ma kien ipressah biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia.

Xi ħmistax wara il-qtil, mar il-Ġermanja, eżatt x’ħin wasal Malta ċempillu Yorgen u ltaqa’ miegħu quddiem it-Toyota ta’ Ħaż-Żebbuġ. Qallu li hemm l-inkwiet għax kienu qed iġibu numru tal-mobiles. Theuma informa lil Alfred u qallu ma jinkwetax.

Bejn 7 u 10 ijiem minn meta nqatlet, kien hemm Vince li bagħtlu risposta biex ikellem lil Alfred u dan ma ġiex. Theuma ssuġġerixxa li jiltaqgħu Wied il-Għajn fejn għandu garaxx. Qallu biex jiġborlu €5,000 għax nefaq ħafna f’karozzi tal-kiri u dawk il-€5,000 ħariġhom hu biex ma jaqax għaċ-ċajt.

Alfred ġie Wied il-Għajn b’karozza bajda żgħira tal-kiri u tah €125. Fil-bidu Yorgen kien staqsih jekk qabadx lil George iċ-Ċiniż.

Fenech qallu li l-aħwa Degiorgio għandhom il-problemi u se jagħtuhom raid kbir

Il-Ħamis ta’ qabel, Yorgen qallu li Alfred u George Degiorgio għandhom il-problemi u fil-5 ta’ Diċembru se jagħtuhom raid kbir. Theuma għamel sinjal lil Alfred biex jiltaqgħu fil-kafetterija u informah bir-raid u li se jżommu infurmat.

Ġimgħa wara li nqabdu beda jagħtihom €300 fil-ġimgħa minn butu 100 kull wieħed lil Degiorgio u Koħħu meta kienu l-ħabs biex ikollhom xi ħaġa għax bdejt nibża’ li se jikxfuh. Kien jgħaddihomlhom bis-saħħa tal-Lolly. Kienu jagħtuh irċevuta maħruġa mill-ħabs tal-flus li kien jagħtihom. Theuma qal li  l-irċevuti urihom lil Yorgen biex jagħtihomlu l-flus imma dan ma kkalkulahx.

Theuma qal li beda jibża’ ħafna, u waqa’ ħażin u fl-ewwel tas-sena 2017/2018 Yorgen tani €5,000 u siefer bihom mal-partner, omm il-partner u t-tifel. Wara li nqabdu Degiorgio, ġranet wara għamel testment għax ħaseb li issa hu kien imissu li jinqatel.

Qabel il-qtil ma kienx jaf lil Mario Degiorgio jiġi hu l-oħrajn. Kif wasal minn Londra, Mario Degiorgio, hu Alfred u George,  qallu li għandhom bżonn €30,000 għall-avukat. Theuma mar għand Yorgen u qallu b’dan u tah €30,000 għall-aħwa Degiorgio.

Ftit wara, Mario Degiorgio qallu li jridu €30,000 oħra. Yorgen qallu li din se jaqbduha kantaliena u tah €25,000. Theuma qal li ħaseb li qata’ il- €5,000 tas-safra u l-€5,000 ħariġhom hu. Kuntatt ma’ Mario kien kuljum isir bil-Whatsapp.

Sadattant, Theuma qal ma baqax joħroġ €300 iżda €200 għax il-mara tal-Koħħu riedet tkun taf minn fejn qed tiġi l-€100 u ma baqa’ jagħti xejn lil Koħħu. Mario Degiorgio baqa’ jitolbu bejn €2,000 u €3,000 fil-ġimgħa.

Theuma qal li Yorgen kien jitla’ jagħmel programm wara l-ieħor, l-Ingilterra minħabba l-vizzju tad-droga kokaina.

George Degiorgio, qal Theuma, ried €60,000 minħabba l-pedge, biex jibgħathom barra. Dan kien jgħidulu ħuhom, Mario. B’kollox lil Mario tah €120,000, €2,000 jew 3,000 fil-ġimgħa u €200 fil-ġimgħa.

Dan l-aħħar, Theuma qal li Yorgen tah €20,000 biex iħallas lil Mario u mbagħad nqala’ li nqala’.

Qabel il-qtil qatt ma rrekkordjah. Yorgen ta’ kien spiss isemmi lil Keith Schembri

Theuma qal li hu lanqas ċenteżmu ma ħa għalih minn din il-biċċa xogħol. Wara nduna bl-iżball li għamel, tant li anke kkunsidra li jmur jaqbeż.

Theuma rrakkonta li kien qed jiekol id-dar, meta ċempillu Yorgen qalli biex imur ir-razzet ta’ Ħaż- Żebbuġ. Qallu li għandhom problema għax il-Koħħu qed jikxef kollox u spiċċa ssemma (Theuma). Qallu biex jara kif jagħmel u jwassal risposta lil Mario li l-Koħħu qed jikxef kollox. Theuma ltaqa’ ma’ Mario uqallu. Spiċċa jixrob u kellu argument ma’ Yorgen.

Dik inhar stess filgħaxija rċieva telefonata mingħand Yohann Cremona u qallu li se jkellmuh u ġie d-dar ma’ wieħed Kenneth, kien ma’ tat-traffik u kien jaħdem Kastilja. Theuma qal li jew bagħathom Yorgen Fenech lil dawn it-tnejn, jew bagħtu Keith Schembri peress li Kenneth jaħdem Kastilja. Theuma xehed li qalulu jmur jgħidilhom li fit-22 tax-xahar se jieħdu pledge u se jieħdu miljun. Qalulu jmur issa jwassal risposta lil Mario. L-aħwa Degiorgio u l-Koħħu la ħadu l-pledge u lanqas il-miljun.

Mario kien jgħidlu biex jara lil min se jkellem għax dawk ma jistgħux jibqgħu l-ħabs. Theuma qal li kien jibża’.

Qabel il-qtil, Theuma kien ma’ Yorgen u kien iddispjaċut u maħruq għax kien irrekordjah. Qabel il-qtil Theuma qal li qatt ma rrekkordjah. Yorgen, qal Theuma ta’ kien spiss isemmi lil Keith Schembri , sieħbu. Theuma qal li daħħal f’moħħu li jridu jeħilsu minnu bir-recordings illum qegħdin għand il-Maġistrat.

Ir-recordings saru fil-karozza, f’Portomaso fl-uffiċċju level 21 u Ħaż-Żebbuġ. Theuma qal li ġieli kienu waħedhom u ġieli daħlet il-mara. Theuma qal li kellu żewġ mobiles u b’wieħed minnhom kien jirrekordjah.

Theuma qal li darba għamel 3 biċċiet recordings, forsi ritratt tiegħu u ta’ Keith Schembri f’Kastilja u ittra u tahom lil Yorgen f’envolepe. F’messaġġ qal li jekk jiġu biex joqtluh l-informazzjoni tmur l-istamperija u jekk jispiċċa l-ħabs, ser jikxifhom.

Il-wegħda tal-pledge Kenneth kien għamilha, qal Theuma u assuma li dan qallu Keith Schembri għax Yorgen ma kienx hu u għalhekk daħħal lil Keith Schembri fl-istorja kollha.

Ix-xhieda sospiża.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Ministru għall-Infrastruttura u t-Trasport Ian Borg qal li bħala moviment u Gvern se jdawwar kull sfida f’opportunità, aktar ġustizzja, aktar progress u aktar għaqda għall-familji kollha f’Malta u Għawdex. Fuq…

Kostruzzjoni

L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi wissiet lill-membri tagħha u lill-imprendituri biex ikunu kawti u responsabbli f’dawn iż-żminijiet diffiċli. Fi stqarrija, l-MDA qalet li d-deċiżjoni tal-Prim Ministru li jirriżenja kienet waħda inevitabbli fl-isfond ta’…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, qal li l-każ tal-qtil ta’ Raymond Caruana kien strumentali għall-matura fil-pajjiż. Dr Delia kien qed jitkellem f’attività fil-Gudja li fakkret it-33 anniversarju mill-qtil…

Aktar