Barranin
Membru tal-Kungress Amerikan titkeċċa mill-kumitati fuq kummenti estremisti

Il-Kamra tar-Rappreżentanti Amerikana vvutat favur li tikkastiga lill-membru tal-kungress Repubblikana Marjorie Taylor Greene għar-rimarki li kienet għaddiet, fejn tat appoġġ għall-vjolenza kontra d-Demokratiċi. Greene ġiet imkeċċija minn żewġ kumitati.

Meta ttieħed il-vot, li għadda b’230 vot kontra 199, kien hemm ħdax-il Repubblikan li vvutaw mad-Demokratiċi.

Qabel ma ttieħed il-vot, Greene, li hija membru tal-Kungress li tirrapreżenta lil Georgia, esprimiet id-dispjaċir tagħha għall-kummenti li għaddiet, inkluż ukoll meta kienet qalet li l-attakki li saru fuq l-iskejjel ma kinux reali u li fl-attakk terroristiku tal-11 ta’ Settembru mhux vera sar xi attakk fuq il-Pentagon. Qalet iżda li tagħti tort ukoll lill-mezzi tax-xandir li joħorġu b’teoriji foloz.

Kienet ukoll għamlet like fuq post fuq Facebook fejn intqal li l-Ispeaker Nancy Pelosi għandha taqla’ tir f’rasha, u post ieħor fejn intqal li Barack Obama għandu jiġi mgħallaq.