Merħla mogħoż biex inaddfu ċimiterju

F’Washington fl-Istati Uniti, id-diriġenti li jieħdu ħsieb ċimiterju storiku ħarġu bl-idea li jikru merħla mogħoż biex jieklu l-ħaxix ħażin u anki speċi oħra ta’ pjanti li qed jikkawżaw ħsara kbira.

Il-mogħoż iqattgħu ġimagħtejn fiċ-ċimiterju fejn jieklu dak kollu li jsibu quddiemhom fuq biċċa art mifruxa fuq etteru u nofs. Id-diriġenti taċ-ċimiterju jgħidu li ntgħażlet merħla mogħoż għax dawn l-annimali ma jieqfux jieklu u lanqas jagħżlu x’jieklu tant li jirnexxielhom jimlew l-istonku b’dak kollu li jiġi quddiemhom.

Din hija t-tieni darba lid-diriġenti taċ-ċimiterju krew merħla mogħoż biex inaddfu ċ-ċimiterju għax qed jgħidu li s-sena l-oħra l-mogħoż irnexxielhom inaddfu ċ-ċimiterju kollu fejn hemm midfuna aktar minn 65,000 persuna.