Kurżitajiet
FILMAT: it-tfal jgħaxxquhielu f’intervista mal-BBC

Fil-veru sens tal-kelma, ‘każ żvinturat’, dak ta’ Robert Kelly, Assistent Professur fir-Renju Unit li kien qed jiġi ntervistat fuq il-BBC, permezz ta’ telefonata bl-Iskype, liema intervista marritlu kompletament ħażin u spiċċat f’farsa sħiħa.

Ġara li Kelly kien qed jiġi mistoqsi fuq materja pjuttost importanti, dwar il-Korea t’Isfel u dak li għaddej f’dan il-pajjiż bħalissa, meta innoċentament, iż-żewġt itfal tiegħu daħlu fil-kamra fejn kien qed jagħmel din l-intervista u għamlu ħerba sħiħa.

Il-missier, b’xi mod jew ieħor, irnexxielhu jżomm wiċċ serju ħafna, anki jekk ġo fih forsi ħass imbarazzament kbir, konxju li fuq il-BBC kienu qed jarawh b’mod dirett miljuni ta’ nies.

Fl-istess filmat tidher mara adulta li daħlet wara t-tfal u ppruvat tiġbidhom ’il barra mill-kamra, bil-konsegwenza li kollox ġie jidher b’mod dirett.

Il-filmat ittella’ fuq il-paġna ta’ Facebook ta’ BBC u jidher li kien suċċess kbir. Dan għaliex sat-3.30pm kienu diġà rawh aktar minn 614,000 persuna, kellu aktar 38,000 ‘like’ u aktar minn 16,500 ‘share’.

L-istorja hi fiha nnifisha tagħlima għal dawk li jużaw l-Iskype għal intervisti simili.

Ftakru biex dejjem issakru l-bieb tal-kamra li tkunu fiha biċ-ċavetta!