Ikel
“Meta kont żgħir kienu jiddieħku bija għax bir-razzett, safrattant ma waqafniex naħdmu biex kulħadd jibqa’ moqdi”

Lil hinn minn xtutna, f’dawn il-jiem, il-minġel tal-mewt qed jaħsad il-ħajja ta’ eluf ta’ persuni. Għaldaqstant, bil-għan li titrażżan kemm jista’ jkun l-imxija tal-Covid-19 f’pajjiżna, l-awtoritajiet qed jieħdu l-miżuri meħtieġa, u l-pubbliku, fost l-oħrajn, imħeġġeġ jibqa’ d-dar, u biex dak li jkun joħroġ biss f’każ ta’ bżonn, bħal biex jimla’ l-ħażna tal-ikel.

F’dan l-isfond, il-provvista tal-ikel lokali, anki f’dawn iż-żminijiet bla preċedent, baqgħet għaddejja. Liema żminijiet, huma wkoll ix-xoqqa f’moxtha biex dak li jkun japprezza aktar il-ħidma sfieqa li b’mod regolari ssir fl-għadd ta’ rziezet madwar il-gżejjer Maltin.

Jeanpaul Fenech, żagħżugħ ta’ 28 sena miż-Żejtun, irabbi l-baqar, u f’kummenti lil tvm.com.mt serraħ ras il-poplu li sakemm ix-xemx tibqa’ tiela’ u nieżla, il-baqar se jibqgħu jeħilbu, bil-għan li, fost l-oħrajn, il-Maltin u l-Għawdxin jibqa’ jkollhom ħalib frisk Malti.

Jeanpaul stqarr li ilu jmidd idejh f’dan ix-xogħol mindu kien għadu ħalib ommu fi snienu, hekk kif ta’ kuljum, minn ta’ sitt snin, diġà kont issibu jterraq qalb l-irziezet tal-familja. Spjega, li meta kien għadu jmur l-iskola, minħabba f’hekk, bosta kienu jiddieħku bih, u li kienu jqisuh ta’ klassi baxxa.

F’dan l-isfond, Jeanpaul qal li huwa minnu li dan ix-xogħol ftit huma dawk li jidħlu għalih, b’mod speċjali minħabba l-ħinijiet twal u ċ-ċerta rabta li fih, madanakollu m’għandux il-għaliex ma jiġix stmat hekk kif, fost l-oħrajn, huwa parti integrali mill-kultura ta’ dawn il-gżejjer. Żied jgħid, li Covid-19 u mhux, dawk kollha fis-settur bħalu baqgħu jaħdmu lejl u nhar, bil-għan li l-poplu jkun moqdi. U, għaldaqstant, Jeanpaul appella biex jekk dak li jkun għandu bżonn prodott, ma hemmx għalfejn jixtri tlieta.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Raġel ta’ 56 sena huwa t-tmien vittma tal-Covid-19 f’Malta. Huwa miet il-lejl li għadda fl-Isptar Mater Dei. Waqt li tat rendikont tas-sitwazzjoni, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci tat il-kondoljanzi…

COVID-19

Is-Suoretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci mistennija tagħti l-aħħar aġġornamenti tas-sitwazzjoni attwali tal-Covid-19 f’pajjiżna. Il-konferenza stampa se tixxandar dirett fuq TVM, tvm.com.mt, Radju Malta u l-paġna Facebook ta’ TVM.

Aktar