COVID-19
Meta se jsiru l-eżamijiet tal-primarja u tas-sekondarja?

F’analiżi li saret mill-awtoritajiet tal-edukazzjoni tal-ewwel nofs tas-sena skolastika, jirriżulta li l-attendenza fiżika tal-istudenti fl-iskejjel naqset għal 75%.

Intervistat minn TVM, Dr Frank Fabri qal li għalkemm xi studenti qed jitgħallmu mid-dar bil-lezzjonijiet virtwali, id-Dipartiment tal-Edukazzjoni qed jikkuntattja ġenituri biex jibagħtu lil uliedhom l-iskola bil-għan li ma jaqgħux lura fit-tagħlim.

Għax-xhur li ġejjin, Dr Fabri qal li mhux mistenni li tiġi estiża s-sena skolastika lil hinn minn Ġunju meta huwa ppjanat li jsiru l-eżamijiet.

Fl-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena skolastika huma 75% tal-istudenti li qed imorru fiżikament l-iskola. Ċifri uffiċċjali li kiseb TVM juru li l-attendenza fl-iskejjel naqset bi kważi 15% waqt il-Covid meta mqabbel mas-snin ta’ qabel.

F’intervista ma’ TVM, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Frank Fabri, qal li matul il-pandemija t-tagħlim mhux qed isir biss b’mod fiżiku fl-iskola, b’għadd ta’ studenti vulnerabbli qed isegwu l-lezzjonijiet fi tliet skejjel virtwali: primarja, medja u sekondarja li twaqqfu apposta għalihom.

“Allura l-75% ta’ physical attendance, wieħed irid jgħodd ukoll l-attendenza ta’ tfal li qed imorru fl-iskejjel virtwali.”

Dr Fabri qal li l-kunċett ta’ skola virtwali hija realtà ġdida, li qed tintlaqa’ tajjeb mill-istudenti u l-ġenituri tagħhom, li ħafna drabi qed jieħdu sehem ma’ wliedhom fil-lezzjonijiet. Spjega kif ftit tal-jiem ilu saru l-parents’ days b’mod virtwali wkoll bil-għan li l-għalliema jagħtu rendikont tal-progress li qed jagħmlu wliedhom li kienu qed jiġu assessjati kontinwament f’dawn ix-xhur.

Dr Fabri ġibed l-attenzjoni li għad hawn ġenituri li għal raġuni jew oħra qed isibuha bi tqila biex jibagħtu lill-uliedhom l-iskola.

“Ħadna approach differenti – startjajna l-magna, li flok iċempel id-dar biex itik multa, qed iċċempel id-dar, is-social workers u n-nies tagħna u jispjegawlek ejja ibagħtu l-iskola. Għax ikun hemm każijiet li huma ġustifikati, jiġifieri wieħed irid jara daqsxejn waħda r-realtajiet x’inhuma.”

Mistoqsi dwar għalliema vulnerabbli, Dr Fabri qal li hemm mat-300 għalliem li jinsabu f’riksju u mhux qed jattendu fiżikament l-iskola. Qal li minn dawn hemm 70 li jinsabu fuq il-leave tal-maternità, b’ħafna mill-oħrajn qed jaħdmu fl-iskola virtwali jew qed jagħmlu l-lezzjonijiet mid-dar lill-istudenti li jkunu fil-klassi b’superviżjoni.

Fuq il-pjattaforma teleskola.mt qal li qed ikun hemm għadd ta’ lezzjonijiet irrekordjati mill-għalliema mil-livel primarju sas-sekondarja, li Dr Fabri spjega kif diġà kważi laħqu s-sitt elef lezzjoni li l-istudeni jistgħu jaċċessawhom meta jridu u bla ħlas.

Mistoqsi jekk hux qed titqies il-possibilità li din is-sena skolastika titwal, Dr Fabri qal li hemm ftehim bejn il-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema li jistipula d-dati tas-sena skolastika mill-bidu sat-tmiem tagħha.

“Naturalment aħna qed nitkellmu b’mod kontinwu mal-union kuljum fuq ħafna affarijiet għax naturalment l-ebda ftehim ma kien qed jikkontempla li jkun hemm din il-pandemija. Fuq din l-issue jird jiddiskuti jifthiem u jaqbel.”

Dwar il-pjan ‘il quddiem għat-tieni nofs ta’ din is-sena skolastika, Dr Fabri qal li jekk kollox jimxi mal-pjan l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena se jsiru bħas-soltu. Spjega kif għaddejja ħidma biex f’Ġunju jsiru l-eżamijiet tas-Sec bil-miżuri restrittivi kontra l-imxija tal-Covid.