Lokali
Mewġa ta’ sħana oħra se tolqotna mill-Ħamis li ġej

Mewġa ta’ sħana oħra mistennija tolqot lill-gżejjer Maltin fil-jiem li ġejjin.

Skont l-Uffiċċju Meterjoloġiku, min-nhar il-Ħamis it-temperaturi mistennija jitilgħu bejn is-37 u d-39 grad Celsius. Sħana, li mistennija tkompli tinħass sa nhar il-Ħadd.

L-Uffiċċju Meterjoloġiku spjega li l-mewġa ta’ sħana hija riżultat ta’ pressjoni għolja li ġejja mit-Tramuntana tal-Afrika. Qal, li r-riħ se jkun ħafif għal moderat mill-Majjistral. L-umdità se tkun baxxa u għaldaqstant it-temperaturi se jogħlew.

L-ewwel mewġa ta’ sħana li laqtet lill-gżejjer Maltin f’dan is-sajf kienet f’Ġunju li għadda. Xahar, li matulu kellna 12-il jum b’temperaturi jmissu l-41.5 gradi Celsius. L-ogħla, li qatt inħassew matul ix-xahar ta’ Ġunju.