Saħħa
Mewta minn kull ħamsa f’Malta hija kawża tal-ikel ħażin li nieklu – Kardjologu

Il-pubbliku llum kien il-mistieden f’sessjoni prattika fit-Taqsima tal-Kardjoloġija, fejn intemmet konferenza annwali mis-Soċjetà Maltija tal-Qalb.

Pazjenti f’din it-taqsima u l-pubbliku ngħataw tagħrif ta’ kif persuna tista’ tevita l-kolesterol – kundizzjoni li tista’ tqarreb bniedem biex isofri puplesija jew attakk tal-qalb.

“L-iktar ħaġa bażika biex nevitaw il-mard tal-qalb huwa l-eżerċizzju.” Hekk qalilna l-kardjologu u speċjalista tar-rijabilitazzjoni kardijaka Mark Abela.

Id-djuq tal-arterji minħabba l-kolesterol iwassal għall-mard tal-qalb li jista’ jirriżulta f’attakki tal-qalb u puplesiji. F’Malta bejn 700 u 800 persuna jidħlu l-isptar bi problemi tal-qalb, u mard fil-qalb jibqa’ l-aktar komuni.

“Idealment dejjem kull 6 sa 12-il xahar isir ‘check up’ anke jekk kultant isir ‘check’ għand it-tabib tal-familja bħal taz-zokkor, kolesterol, pressjoni. Sintendi jekk ikun hemm xi sintomi dak li jkun għandu jfittex l-għajnuna mal-ewwel, għax ġeneralment rari jidħol pazjent b’attakk tal-qalb u ma jkun ħass xejn, ġeneralment ikun hemm dawk is-sintomi li jkunu vagi.”

Il-kardjologu Robert Xuereb, President tas-Soċjetà Maltija tal-Qalb u Chairman tad-Dipartiment tal-Kardjoloġija f’Mater Dei, qal lil Television Malta li huwa ta’ tħassib li minkejja li l-pubbliku jaf bir-riskji ta’ dieta mimlija xaħam u zokkor, m’hemmx biżżejjed kuxjenza biex din tiġi evitata.

“Bħala poplu m’aħniex qegħdin nagħmlu dawk il-passi importanti biex nipprovaw nevitaw dawn l-imwiet. Qed joħroġ ċar li wieħed minn kull ħames imwiet f’pajjiżna huwa kawża tal-ikel ħażin li qegħdin nieklu. L-evidenza turi li kull meta jżidu t-taxxi fuq is-sigaretti dejjem ikun hemm iżjed nuqqas ta’ nies li jpejpu, mela jekk indaħħlu forma ta’ taxxa fuq l-ikel mhux bnin, speċjalment fast foods u soft drinks li fihom ħafna zokkor, u b’dak il-flus nissussidjaw ikel bnin bħalma hu l-ħaxix, il-ħut u t-tiġieġ, se naraw inqas nies jieklu x-xaħam u ikel biz-zokkor u aktar nies jixtru ikel bnin. Mela għalhekk huwa importanti li nieħdu passi anke aggressivi, bħal li nintaxxaw dan it-tip ta’ ikel, ħalli nipproteġu l-ekonomija u anke t-taxxi tagħna u nużawhom f’aktar affarijiet sostenibbli.”

B’ċifri li juru li Malta għandha fost l-iżjed rati għolja ta’ ħxuna żejda fit-tfal, il-kardjologu Robert Xuereb jirrakkomanda li t-testijiet għall-kolesterol għandhom jibdew mill-età ta’ 18-il sena.

Ċifri tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) juru li wieħed minn kull erba’ adulti mad-dinja kollha ma jagħmlux eżerċizzju biżżejjed u dan ifisser li kważi biljun u nofs persuna huma f’riskju li jiżviluppaw jew jaggravaw kundizzjonijiet tal-mard marbuta ma’ nuqqas ta’ attività.