Lokali
Mexxejja Ewropej f’summit soċjali f’Porto

F’laqgħa informali tal-Mexxejja Ewropej f’Porto li qed jiffoka fuq il-qasam soċjali fl-isfont tal-Covid. Il-Prim Ministru Robert Abela ħa sehem b’mod virtwali f’din il-laqgħa, minħabba li bħalissa huwa jinsab fi kwarantina.

Il-laqgħa li ġiet organizzata mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea rat lill-mexxejja Ewropej jiddibattu l-kwistjonijiet ewlenin li jitrattaw il-qasam soċjali, fosthom fl-isfont tal-isfidi li ġab miegħu l-Covid.

Il-laqgħa informali se tinkludi wkoll skambju virtwali mal-Prim Ministru Indjan Narendra Modi, hekk kif l-Indja għaddejja minn sitwazzjoni diffiċli minħabba l-pandemija tant li l-pajjiżi Ewropej qed jagħtu s-sostenn mediku meħtieġ lil dan il-pajjiż biex jindirizza l-imxija tal-Covid.

Għada, il-mexxejja Ewropej se jkpmplu jiddiskutu l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali f’livell nazzjonali u Ewropew, bi pjan t’azzjoni li tfassal mill-Kummissjoni Ewropea f’Marzu li għadda.

Dan il-pjan jaħseb biex sa 9 snin oħra r-rata ta’ impjiegi tkun ta’ 78% fl-Unjoni Ewropea, mill-inqas 60% tal-adulti jtejbu l-ħiliet tagħhom b’korsijiet varji, filwaqt li r-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar tonqos bi 15-il miljun ruħ, fosthom 5 miljun tifel u tifla.

Fi tmiem is-summit, il-mexxejja Ewropej mistennija jadottaw id-dikjarazzjoni ta’ Porto li permezz tagħha se jkunu qed ifasslu l-viżjoni diġitali, ambjentali u ta’ tranżizzjoni ġusta għall-Unjoni Ewropea.