Unjoni Ewropea
Mexxejja Ewropej jitolbu li l-ftehim ta’ Brexit jitressaq fil-Parlament Ingliż

Ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali fir-Renju Unit jidher li sa fl-aħħar iċċara l-proċess għal Brexit. B’hekk, f’summit Ewropew, Mexxeja Ewropej talbu li dan il-ftehim jitressaq fil-Parlament Ingliż.

Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel feraħ lil Boris Johnson u wera t-tama li issa l-Parlament tar-Renju Unit japprova kemm jista’ jkun malajr il-ftehim għall-ħruġ li ġie nnegozjat mal-Unjoni Ewropea.

“It’s important to have the clarity as soon as possible, we are ready and the EU will negotiate in order to have a close cooperation in the future with the UK”

Boris Johnson ma marx għal dan is-summit għax kien impenjat bl-elezzjoni u issa zgur li mhux mistenni jerġa’ jkun madwar l-istess mejda mal-mexxejja l-oħrajn Ewropej għaliex issa b’mandat ġdid ser joħroġ lir-Renju Uniti mill-Unjoni Ewropea sal-aħħar tax-xahar id-dieħel.

Il-Kap tad-Dipartiment ta’ Koordinazzjoni tal-Unjoni Ewropea, Glenn Micallef spjega li qabel l-arranġament għat-tluq jidħol fis-seħħ, irid jiġi ratifikat u approvat mill-Parlament Ewropew.

“Meta jiġi ratifikat dak l-arranġament se jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni perjodu li jintemm fl-2020 bil-possibiltà li jiġi estiż sal-2022, u li matulu jibqa’ kollox preċiż kif inhu llum bl-uniku differenza li r-Renju Unit ma jibqax jattendi għal-laqgħat tal-UE, ma jipparteċipax fid-deċiżjonijiet li jittieħdu imma jibqgħu japplikaw l-istess liġijiet u regolamenti li hemm bħalissa”

Tul il-perjodu ta’ tranżizzjoni ż-żewġ naħat iridu jiddiskutu r-relazzjoni futura f’oqsma varji fosthom il-kummerċ, is-sigurtà u s-sajd. Jekk tul il-perjodu ta’ tranżizzjoni, ma jintlaħaqx ftehim kummerċjali, ir-Renju Unit iħalli l-Unjoni Ewropea u jibqa’ jinnegozja mal-imsieħba fl-Unjoni Ewropea bir-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO).

Waqt li l-elezzjoni fir-Renju Unit iddominat id-diskussjoni li kienet għaddejja wara l-kwinti ta’ dan il-Kunsill Ewropew, il-mexxejja ddiskutew l-aħħar proposti għall-Budget tal-UE li jmiss 2021-2027 li għad irid jiġi approvat formalment x’aktarx fis-Summit ta’ Ġunju li ġej.

Mill-banda l-oħra ma kienx hemm qbil unanimu fuq ‘il-Patt Ekoloġiku Ewropew’ li hu pjan ambizzjuż ħafna favur l-azzjoni dwar it-tibdil fil-klima. Dan il-patt jinkludi bidliet radikali ħafna għal kif taħdem l-ekonomija, xi ħaġa li l-Polonja qed topponi bil-qawwa u rrifjutat li tintrabat mad-data proposta.

Ara wkoll:

Il-President tal-Kunsill Ewropew qal li ma ġiex diskuss il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Aħbarijiet Oħra
Politika

Jum il-Ħelsien serva ta’ sfond għall-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, li kien fuq l-istess linja ta’ ħsieb tal-messaġġ tal-bieraħ tal-Prim Ministru u mexxej Laburista Robert Abela. F’messaġġ…

Lokali

Malta fakkret il-festa nazzjonali ta’ Jum il-Ħelsien, il-ġrajja li tfakkar it-tluq tas-servizzi Ingliżi u t-tmiem ta’ Malta sservi bħala bażi militari. Il-41 anniversarju mill-ġrajja tal-31 ta’ Marzu 1979 kellu jgħaddi…

Lokali

Il-Professur Charmaine Gauci, barra tgħallem dwar il-qasam tas-saħħa pubblika fl-Università ta’ Malta, hija wkoll is-Supertendent għas-Saħħa. Hija speċjalizzat fl-oqsma tas-saħħa pubblika, l-epidemoloġija u l-mard infettiv kif ukoll nediet kampanja dwar…

Avjazzjoni

Transport Malta irrifjutat l-ajruplan Spanjol A330-202, għaliex l-ajruplan ried jibqa’ fl-ajruport. Dan qalu l-Ministru għat-Trasport Ian Borg fuq il-midja soċjali, li qal li l-permess ma ngħatax anki fl-isfond li bħalissa…

Aktar