MFCC ippakkjat b’differenza – għada l-ewwel semifinali ta’ ‘Malta’s Got Talent’

Sala mneżża’ mill-brijju tal-pubbliku, x’sala hi? X’aktarx li bosta qed jistennew b’ħerqa liema bħalha l-ewwel semifinali ta’ ‘Malta’s Got Talent’. Għalkemm, frott iċ-ċirkostanzi preżenti l-pubbliku Malti u Għawdxi mhux se jkun jista’ jinġema’ l-MFCC bħalma sar f’okkażjonijiet oħra fis-snin preċedenti. Minkejja dan, l-organizzaturi ta’ ‘Malta’s Got Talent’ ħolqu ‘screen’ imdaqqas ġmielu li miegħu se jingħaqdu b’kollegament għadd ta’ persuni bil-għan li s-semifinalisti tal-ispettaklu huma u juru x’isarrfu ikollhom is-sostenn tal-pubbliku xorta waħda.

F’dan l-isfond, ilbieraħ saru l-ewwel testijiet b’suċċess bi tħejjija għal għada filgħaxija bil-għan li minkejja kollox l-MFCC għada ma tkunx baħħ.

Intant, għada filgħaxija mistennija jitilgħu fuq il-palk l-ewwel għaxar semifinalisti: Joseph Mangion, Matthias Camilleri, Geneve Dimech, Izzy – minflok Yada ’N’ Heels -, Bruce Micallef Eynaud, Kristian Alkaad, Ike & Kaya, Chris Tanti, Southville Dancers, u Sy & Ezaya.

L-ewwel semifinali ta’ ‘Malta’s Got Talent’ tixxandar b’mod dirett mill-MFCC ġewwa Ta’ Qali għada fid-8.50pm fuq TVM.