Lokali
Mġarr ix-Xini, Daħlet Qorrot u Marsalforn ħielsa mill-plastik

Mġarr ix-Xini, Daħlet Qorrot u l-bajja ta’ Marsalforn ġew dikjarati bħala bajjiet ħielsa mill-plastik. Dan qalitu l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana għall-mistoqsija tad-deputat Jason Azzopardi.

Il-Ministru Caruana qalet li t-tindif tal-bajjiet sar minn erba’ għaddasa mill-għaqda White Flag International, u ġew iċċertifikati minn ‘inspector’ tal-istess għaqda.

F’dak li huwa finanzjament, it-tindif fi Mġarr ix-Xini tħallas mill-Ministeru għal Għawdex, dak f’Marsalforn minn kumpanija privata, filwaqt Daħlet Qorrot tnaddfet bla ħlas mill-White Flag International.

Intqal li l-Ministeru għal Għawdex qed jippjana li l-bajjiet kollha jkunu klassifikati bħala White Flag biex jassigura l-aqwa kwalità u standards. B’kollox diġà nġabru ’l fuq minn 632 kilogramma ta’ skart.