Barranin
“M’għandniex x’naħbu, aħna kontra d-droga u lesti li nagħmlu t-test” – Måneskin

Waqt li l-kantanta Maltija Destiny Chukunyere kienet qed tiġi intervista qabel ma ngħata bidu għall-għadd tal-voti tal-finali tal-Eurovision Song Contest, il-kantant tal-grupp Taljan Måneskin deher jitbaxxa lejn il-mejda b’uħud jakkużawh li kien qed jieħu d-droga.

Il-ġest tal-kantant Damiano David qajjem bosta reazzjonijiet mal-erbat irjieħ. Kien hawn min, saħansitra, talab li l-grupp rebbieħi jiġi skwalifikat mill-festival.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Rotterdam wara li l-Italja rebħet il-65 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, Damiano ġie mistoqsi jekk dak li kien qed jingħad kienx minnu. Il-kantant ċaħad l-akkużi u qal li baxxa ħarstu lejn il-mejda għax kienet inkisret tazza. Saħaq, li ma jmissx mad-droga.

Kmieni dalgħodu, fuq Instagram, il-grupp rock qal li jinsab ixxukkjat b’dak li spiċċa jintqal fuqu fuq il-mezzi soċjali u lil hinn. L-erba’ membri tal-grupp rebbieħ għamluha ċara li huma kontra d-droga u li m’għandhomx x’jaħbu, tant li huma lesti li jagħmlu t-test għad-droga.

Intant, fuq l-internet ittella’ ritratt ta’ tazza mkissra maġenb il-mejda ta’ fejn kien stazzjonat il-grupp Taljan ilbieraħ filgħaxija.