“Mhux aħna u huma, imma aħna lkoll li nfittxu dak li jgħaqqadna” – PM

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat talab lill-poplu għal riflessjoni fuq id-delitt b’rabta ma’ mibegħda razzjali, biex minn din it-traġedja tinbena xi ħaġa ta’ ġid għal uliedna kollha. Dr Muscat ħabbar li nhar it-Tlieta, il-kabinett se japprova skema oħra biex issir ġustizzja soċjali ma’ settur ta’ ħaddiema u li dan se jkun possibbli għaliex fil-pajjiż hawn il-ġid.

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li mill-istorja ta’ biża’, fil-każ tal-qtil razzist f’April li għadda, il-pajjiż jista’ jiżra’ siġra ta’ tama, bidla li kull waħda u wieħed minna għandu jkun parti minnha. Dr Muscat qal li minkejja l-isfidi li jħossu xi wħud biex jintegraw mal-barranin, irridu nifhmu li l-integrazzjoni hija l-unika t-triq. Wissa’ kif pajjiżi oħra li ssegregaw nies ta’ ġilda skura, wara għoxrin sena, ndunaw li kienu żergħu l-mibegħda. Il-Prim Ministru fakkar li hawn mijiet ta’ familji Maltin li addottaw tfal ta’ ġilda skura li issa huma Maltin u Għawdxin. Appella biex kulħadd iħobb lil dawn it-tfal, daqs kull tifel u tifla oħra.

Il-Prim Ministu sostna li l-immigrant li nqatel u t-tnejn oħra li ndarbu m’għamlu xejn lil ħadd. Qal hemm bżonn ta’ riflessjoni fuq dan kollu, filwaqt li appella biex ma nħallu lil ħadd jiżra’ ideat estremisti, u biex nieqfu nitbissmu għal min jiżra’ l-velenu.

Irrefera għad-diskors ta’ min żera’ l-mibegħda kontra l-barranin li ġew f’Malta biex jagħmlu xogħol li mhux qed jagħmlu l-Maltin. Qal li faċli li wieħed jikklassifika lin-nies f’kaxxi tal-mentalità aħna u huma, imma saħaq fuq l-bżonn li nfittxu dak li jgħaqqadna mhux dak li jifridna u kompla jħeġġeġ lil Maltin biex dejjem juru l-imħabba.

Il-Prim Ministru qal li jrid jara lil kull Malti u Għawdxi sinjuri żgħar u jrid jara l-mobilità soċjali ħalli uliedna jkunu aħjar minna. Appella li biex isir dan kollu, il-pajjiż irid jibqa’ joħloq il-ġid u x-xogħol. Spjega li l-ġid huwa importanti biex il-poplu jgħixu ħajja aħjar, b’iktar akkomodazzjoni soċjali, li n-nies jifilħu jħallsu l-kera, u lil kull anzjan jgħix ħajja sura ta’ nies bil-pensjoni li tenna li l-Gvern ser jerġa’ jżidhom.

Dr Muscat fakkar kif dan il-Gvern qed ipatti għall-iżbalji u l-inġustizzji u serq ta’ taxxa li għamel il-Gvern Nazzjonalista, u anki ċekkijiet li qed jingħataw lill-ħaddiema tad-dirgħajn u lill-forzi tal-ordni. Qal li dan il-Gvern mhux mibegħda għandu iżda pożittività fil-qalb, u li lest li jirbaħ l-isfidi. Il-Mexxej Laburista sostna li jekk ħaddieħor m’għandu ebda pjan, u jaħdem bil-mibegħda, iqajjem il-gideb, u jiffalsifika dokumenti, ir-risposta għandha tkun il-vot favur kandidati Laburisti kollha nhar is-Sibt li ġej.

Aħbarijiet Oħra
Annimali

F’park tal-annimali fl-Imtaħleb is-sidien Christopher Borg u Oksana qisha twieldet tarbija ġdida fil-park, din id-darba l-ewwel ferħ tal-koppja orsijiet Yoggi u Paddy. Yoggi li hija l-ors femminili u Paddy li…

Knisja Maltija

L-Arċisqof Charles J Scicluna qal li Malta għandha bżonn is-solidarjetà ta’ kulħadd. L-isqfijiet Maltin qed jattendu konferenza f’Bari dwar l-immigrazzjoni u l-paċi fil-mediterran. F’intervista qabel il-konferenza, l-Arċisqof Scicluna qal li…

Unjoni Ewropea

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea se jfisser mas-sittin biljun ewro inqas fil-Budget li jmiss tal-Unjoni Ewropea li jkopri s-seba’ snin li ġejjin. Il-President tal-Kunsill Ewropew, Charles Michel qed jipproponi li…

Politika

Il-Partit Nazzjonalista permezz tal-kelliem tiegħu Edwin Vassallo wera tħassib li fi kliemu għexieren ta’ bdiewa se jiġu żgumbrati mill-għelieqi tagħhom biex issir estensjoni tal-miżbla fil-Magħtab. Huwa qal dan wara l-avviż…

Aktar