Qorti
Mhux ħati għal attentat ta’ serq u theddid minħabba problemi ta’ saħħa mentali

Raġel ta’ 25 sena mis-Somalja ma nstabx ħati li pprova jisraq minn ħanut jew li beżża’ lil żewġ nisa, minħabba li meta wettaq ir-reat kien qed ibati minn problemi ta’ saħħa mentali.

Mahad Mohamed Abdiqani kien akkużat li f’Ottubru ta’ sentejn ilu pprova jisraq minn ħanut fil-Ħamrun, u li ġiegħel lil żewġ nisa jibżgħu li se tintuża l-vjolenza kontrihom. Huwa kien akkużat ukoll li wettaq ir-reat waqt li kien fil-perjodu ta’ sentenza sospiża.

Meta l-akkużat deher quddiem il-Qorti l-interpretu qal li għall-ewwel beda jikkomunika miegħu, iżda iktar tard l-akkużat beda jġib ruħu b’mod li jindika li ma kienx qed jifhem x’qed jingħad, bl-avukat tad-difiża titlob li jitqabbad espert psikjatriku għaliex ma setgħetx tiddefendih sew.

Fir-rapport tiegħu l-espert psikjatriku kkonkluda li l-akkużat deher mitluf u perpless, u l-kontenut tal-ħsieb kien irregolari. Innega sintomi ta’ dwejjaq u ħsibijiet dwar il-mewt, iżda ammetta li huwa ppersegwitat minn ilħna f’ moħħu li x’aktarx huma alluċinazzjonijiet.

Il-Qorti ddeċidiet li l-akkużat kellu jingħata l-kura u jinżamm fl-isptar Monte Carmeli sakemm bl-għajnuna tal-mediċini jkun fi stat li jifhem il-kawża.

Skont il-psikjatra Dr Maria Axiaq l-istat mentali tal-akkużat tjieb wara tlett xhur, u ilu stabbli għal iktar minn sena. Iddeskriviet il-kundizzjoni tiegħu bħala schizoaffective disorder, fejn bniedem ma jkollux il-kapaċitajiet biex jifhem il-bżonn li jieħu l-mediċina. Din kienet tingħatalu fil-ħabs iżda meta ħareġ ma kienx baqa’ jeħodha għax ma jgħarafx il-bżonn.

Dr Axiaq qalet li m’hemm l-ebda dubju li meta wettaq ir-reati li ġie akkużat bihom, Abdiqani kien fi stat mentali mhux stabbli. Qalet li jekk dan joħroġ mill-isptar irid ikollu superviżjoni għal għomru minħabba l-istat intelletwali tiegħu, fejn x’aktarx għandu wkoll intelliġenza baxxa u għalhekk isibha diffiċli biex ikun indipendenti.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor G. Axiaq, ikkonkludiet li Abdiqani ma jistax jinżamm kriminalment responsabbli ta’ għemilu għax meta wettaq ir-reat ma kellux il-kapaċità intelletwali li jifhem x’qed jagħmel.

Fl-istess waqt il-Qorti ordnat li jibqa’ jinżamm taħt kustodja fl-isptar Monte Carmeli sakemm tliet speċjalisti jeżaminawh u jippreżentaw rapport li huwa f’kundizzjoni li jiġi meħlus.