Qorti
Mhux ħati li kien joħroġ b’xirja kbira mil-Lidl mingħajr ma jħallas

Vincenzo Maniscalco ta’ 42 sena, Taljan residenti San Pawl il-Baħar, ma nstabx ħati li wettaq frodi flimkien ma’ mara kompliċi miegħu għad-dannu tal-Lidl. Huwa kien akkużat li kien jimla diversi trolleys bl-affarijiet u jibqa’ ħiereġ ‘il barra mingħajr ma jħallas.

Il-każ imur lura għall-2018. Huwa kien akkużat li kien imur dejjem għand l-istess kaxxiera, li min-naħa tagħha, ma kinitx tippanċja x-xirja jew kienet tippanċja ftit ċenteżmi.

B’rabta ma’ dan il-każ kien hemm Taljana li taħdem bħala kaxxiera fil-Lidl taż-Żejtun. It-Taljana kienet ammettiet fi stadju bikri u ġiet illiberata bil-kundizzjoni li ma twettaqx reat ieħor fi żmien sentejn. Hija kienet ħalliet Malta.

Il-Prosekuzzjoni kienet spjegat li huma kien jieħdu bejn €300 u €400 f’xirja u li din seħħet 32 darba.

Min-naħa tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Simone Grech, qalet li ma hemmx provi biżżejjed biex t-Taljan jinstab ħati. Qalet li l-imputat għażel li jixhed f’dawn il-proċeduri, u ċaħad li huwa kien jaf lill-kaxxiera involuta. Innotat li l-Prosekuzzjoni ma ressqitx lill-kaxxiera bħala xhud.