Qorti
Mhux ħati li kkaġuna l-mewt ta’ tifla ta’ 12-il sena f’inċident tat-traffiku f’Bormla

Żagħżugħ mill-Isla akkużat li kkaġuna l-mewt ta’ tifla ta’ 12-il sena ma nżammx responsabbli tal-inċident tat-traffiku fatali wara li kemm maġistrat kif ukoll imħallef qablu li ma ġiex eskluż li kienet ħsara fil-karozza misjuqa minnu li kkaġunat il-ħabta ma’ karozza oħra.

L-inċident kien seħħ fl-10 ta’ Mejju 2017, għall-ħabta tad-9.15 p.m., fi Triq it-Tlett Ibliet f’Bormla u sewa l-ħajja ta’ Alashia Azzopardi, tifla ta’ 12-il sena. It-tifla mietet l-għada tal-inċident fl-isptar.

Azzopardi kienet riekba f’karozza Isuzu Gemini misjuqa minn Ephrayel Azzopardi, li dak iż-żmien kellu 20 sena, u magħhom kien hemm ukoll ħuhom Shemizen Azzopardi u Cheyenne Azzopardi, it-tfajla tal-akkużat, kellhom 17-il sena.

Minbarra li kkaġuna l-mewt tat-tfajla, Ephrayel Azzopardi kien mixli wkoll li kkaġuna ġrieħi gravi fuq ħuh u t-tfajla kif ukoll ġrieħi ħfief lil James Farrugia, is-sewwieq tal-vettura l-oħra.

Huwa kien akkużat ukoll li saq b’manjiera perikoluża u traskurata, li kkaġuna ħsara fit-Toyota Fun Cargo misjuqa minn Farrugia u li ma kienx liebes ċintorin tas-sigurtà.

Fil-Qorti l-akkużat qal li huwa kien qed isuq fid-direzzjoni ta’ Bormla u meta għafas il-brejk ħass il-karozza tiġbed, ipprova jaqla’ il-gear imma weħillu u sakemm ħares lejn il-gear lever il-karozza marret fuq in-naħa l-oħra tat-triq u seħħ l-inċident.

Żewġ esperti li tqabbdu biex jagħmlu rapporti dwar l-inċident ma qablux dwar x’wassal għalih.

Waqt li Mario Buttigieg ikkonkluda li l-akkużat kien qiegħed isuq b’mod eċċessiv u kien għalhekk li l-impatt kien wieħed vjolenti, l-Inġinier Karl Vella kkonkluda li l-ħsara fir-rota setgħet kienet hemm minn qabel l-inċident u kien proprju minħabba din il-ħsara li l-akkużat tilef il-kontroll tal-vettura.

Mir-rapport irriżulta wkoll li ħadd mill-persuni li kienu fil-karozza tal-akkużat ma kien riekeb ċintorin tas-sigurtà.

Ir-rapport ma tefa ebda responsabbiltà fuq Farrugia u fix-xhieda tiegħu dan qal li x’ħin daħal fil-mina ta’ Għajn Dwieli ra karozza ġejja għal fuqu mid-direzzjoni opposta.

Il-Qorti tal-Maġistrati sabet lil Azzopardi ħati biss li ma kienx liebes ċintorin tas-sigurtà wara li kkonkludiet li ma ġiex pruvat li saq b’mod traskurat u kkaġuna l-inċident.

L-Avukat Ġenerali appella madankollu anke l-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef Edwina Grima, ikkonkludiet li ma nġiebet ebda prova li l-akkużat saq b’mod traskurat u li wieħed mill-esperti kkonkluda li setgħet kienet ħsara fil-karozza li wasslet għall-inċident.

“Dan ifisser li, fuq bażi ta’ probabbiltà, id-difiża rnexxielha tipprova li l-appellat seta’ tilef il-kontroll tal-karozza mhux għax kien qed isuq b’mod negliġenti jew traskurat, iżda sempliċiment minħabba l-ħsara li seta’ kellha r-rota tal-vettura misjuqa minnu li wasslet sabiex iseħħ l-inċident”.

Hija warrbet ukoll il-punt li qajjem l-Avukat Ġenerali li l-karozza kellha magna ikbar minn dik li kellha oriġinarjament u bħall-ewwel qorti dan ma jfissirx li kien qed isuq b’mod eċċessiv u anke l-punt li xi pulizija semgħu lil missier l-akkużat jgħidlu li kien ilu jiġbidlu l-attenzjoni biex ma jsuqx ħafna għax sostniet li l-missier ma rax l-inċident iseħħ.

L-Imħallef Grima żiedet li lanqas ma nġiebet prova li Ephrayel Azzopardi kien taħt l-influwenza tax-xorb.

Kien għal dawn ir-raġunijiet kollha li hija kkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u lliberatu mill-akkużi kollha ħlief dik li ma kienx liebes iċ-ċintorin tas-sigurtà.