Lokali
Mhux ħati li qatel tfajla fil-Birgu għax qasmitlu għall-għarrieda

Raġel ta’ 43 sena ma nstabx ħati li kkaġuna l-mewt ta’ tfajla ta’ 15-il sena f’inċident li seħħ erba’ snin u nofs ilu quddiem il-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.

Fl-għodwa tal-21 ta’ Settembru 2013 Ludovick Bartolo kien qed isuq il-karozza tiegħu tat-tip Toyota Vitz fi Triq il-Kottonera. Huwa kien fi triqtu għax-xogħol, u miegħu kellu lil ibnu ta’ 9 snin li kien se jwasslu għal-lezzjoni tal-futbol.

Mexjin fl-istess triq dak il-ħin kien hemm Sara Farrugia ta’ 15-il sena u ħuha Luke ta’ 6 snin, li wkoll kien sejjer għal-lezzjoni tal-futbol.

Fil-Qorti Bartolo qal li kien qed isuq b’inqas minn 40 kilometru fis-siegħa, meta f’daqqa u l-ħin quddiemu lemaħ persuna żgħira bi flokk isfar. Huwa ġibed l-isteering lejn il-lemin biex jevitaha, sema’ ħoss mal-karozza, u waqaf.

Kienet xena kerha ħafna dik li sab ma’ wiċċu Bartolo hekk kif niżel mill-karozza. It-tifel kien mal-art, iżda qam fuq saqajh mill-ewwel. It-tfajla, iżda, kienet wiċċha ‘l isfel b’ferita f’rasha. Sfortunatament Sara tilfet ħajjitha fl-isptar il-jum ta’ wara.

Minkejja li l-Prosekuzzjoni qalet li l-brejkijiet ta’ Bartolo ma kinux qed jaħdmu sew, l-esperti tekniċi mqabbda mill-Qorti qalu li l-karozza kienet qed taħdem b’mod normali.

L-esperti qalu li t-tfal kienu ttajru hekk kif niżlu mill-bankina biex jaqsmu t-triq minn quddiem il-bus shelter. Pelican lights li kien hemm 26 metru ‘l bogħod kienu qed jaħdmu tajjeb. L-esperti kienu tal-fehma li l-bus shelter u s-siġar ħoxnin ostakolaw il-viżta.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli, ikkonkludiet li ma kien hemm ebda traskuraġni min-naħa ta’ Bartolo, u lanqas ma hemm provi li ma ħarisx ir-regolamenti tat-traffiku.

Il-Qorti qalet li kienu t-tfal li m’użawx id-dwal tat-traffiku u qasmu għall-għarrieda, u għalhekk Bartolo ma setax jinżamm kriminalment responsabbli għall-mewt tat-tfajla.

L-avukati difensuri kienu Veronique Dalli u Franco Debono.

Filmat mill-Arkivji ta’ TVM juri xeni mill-inċident fatali:

Aħbarijiet Oħra
Sport

Il-wrestling għal bosta jidher sports goff iżda għal Wayne Pace beda jsegwi l-isport tar-wrestling minn età żgħira, sakemm sar atleta professjonali. Il-wrestling huwa dixxiplina sportiva bir-regoli tagħha saħansitra ta’ ħarsien…

Saħħa

Id-Dipartiment tal-Kardjoloġija fl-Isptar Mater Dei kompla bl-isforzi biex jikber l-għarfien u l-prevenzjoni dwar il-mard tal-qalb. F’jum ta’ attivitajiet, mijiet ta’ nies għamlu testijiet mediċi f’inizjattiva tas-Soċjetà tal-Qalb biex jikber l-għarfien dwar…

Għawdex

L-investiment fil-prodott turistiku Għawdxi ser jissukta bi skema ġdida Enable Tourism li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena. L-iskema hija maħsuba biex itejjeb l-aċċessibiltà fil-postijiet tal-akkomodazzjoni turistika. Id-dettalji tagħha tħabbru…

Aktar