Qorti
Mhux ħati li ta daqqa ta’ ponn lil raġel u tilfu minn sensih fuq il-vapur t’Għawdex

Raġel Olandiż ta’ 33 sena ma nstabx ħati li ta daqqa ta’ ponn lil raġel Malti u li tilfu minn sensih, wara li dan tal-aħħar qabeż il-kju fil-port tal-Imġarr biex jixtri biljett għall-vapur t’Għawdex.

Alain Rizal Van Der Burg kien mixli li fit-18 t’Awwissu 2020 ikkaġuna ġrieħi gravi lil Moses Briffa u li kiser il-paċi pubblika fuq il-vapur MV Ta’ Pinu.

Irriżulta li Briffa ttieħed l-isptar, fejn sarulu erba’ punti għal qasma li kellu f’rasu. It-tabib li kkurah xehed ukoll li saritlu CT scan, fejn ħareġ li kellu għoqda żgħira ta’ demm (haematoma) f’parti minn rasu, u għalhekk kien iċċertifikat li ndarab gravi.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana, semgħet kif Briffa kien ipparkja l-mutur u mar bil-pass mat-tieqa tal-biljetti biex jaqbeż il-kju tal-karozzi. Hekk spiċċa marsus bejn il-karozzi u l-kamra tal-biljetti, b’konsegwenza li Van Der Burg laqatlu l-warrani bil-mera tal-karozza waqt li kien għaddej minn ħdejh. Allegatament Van Der Burg qallu li ma kienx messu ntrass biex jaqbeż il-kju.

Van Der Burg qal li meta kienu fuq il-vapur ra lil Briffa ġej lejh u lejn familtu u pprova jħebb għalih. Qal li huwa mbuttah iżda dan reġa’ pprova jtih daqqa ta’ ponn, iżda huwa ddefenda ruħu u Briffa spiċċa mal-art.

Il-verżjoni tal-Olandiż kienet sostnuta minn ommu, li qalet li Briffa kien aggressiv, u li binha kien qed jipproteġi lilha u lil uliedu żgħar li kienu magħhom.

Min-naħa tiegħu Briffa qal li meta tela’ fuq il-vapur ra lil Van Der Burg iħares lejh, wara li dan kien diġà laqtu bil-mera. Qal li mar fuqu biex jistaqsih xi jrid, u kien hawn li dan xejjirlu daqqa ta’ ponn, b’konsegwenza li spiċċa mitluf minn sensih.

Il-Qorti qabblet il-verżjoni taż-żewġ naħat ma’ dak li deher fuq il-filmati minn kameras tas-sigurtà, u nnutat li, għal kuntrarju ta’ dak li qal Briffa, huwa kien tela’ fuq il-vapur wara l-akkużat u mhux qabel, tant li pparkja fuq in-naħa ta’ wara tal-vapur. Żiedet tinnota li kien jidher li qed ifittex lil xi ħadd, u li l-imġieba tiegħu kienet tindika li kien irrabjat.

Il-Qorti għalhekk ikkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed provi kontra Van Der Burg, u ħelsitu mill-akkużi.