Lokali
Mhux ħati li tajjar u qatel missier li kien miexi fit-triq ma’ bintu fl-Għadira – ħariġlu minn ġos-siġar u qabad u qasam it-triq

Il-Qorti tal-Appell irrevokat sentenza ta’ sena ħabs sospiża għal tliet snin fil-konfront ta’ Jonathan Hili li f’Diċembru li għadda nstab ħati li tajjar u qatel lil Andrea Debattista fi Triq il-Marfa, il-Mellieħa. Flimkien mal-vittma kien hemm miexja miegħu fit-triq bintu ta’ 11-il sena.

Il-każ seħħ fid-9 ta’ Lulju tal-2016 meta l-akkużat kien qed isuq lejn Għawdex u laqat lill-vittma hu u sejjer lejn it-telgħa li tagħti għal Marfa. Il-vittma kien miexi ’l barra mil-linja l-bajda taħt siġra ħoxna. Skont espert tal-qorti, l-akkużat kien qed isuq b’veloċità ta’ bejn 57 u l-65 kilometru s-siegħa li skontu hija addatta għall-kundizzjoni u għamla tat-triq.

L-akkużat qal li malli ra lil Debattista, dawwar l-isterring kemm felaħ lejn il-karreġġjata ta’ barra. Madankollu laqtu bil-vittma jtir għal fuq il-karozza, farrak il-windscreen, tar għal fuq is-saqaf u spiċċa mal-art mejjet.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Appell ippreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qalet li l-akkużat ma kienx qed isuq mgħaġġel iżda nnotat li kien hemm ħafna siġar ’il barra mil-linja l-bajda u t-traffic lights ma kinux għadhom qed jaħdmu.

Il-Qorti tal-Appell ikkonkludiet li dan ma kienx każ fejn l-akkużat kien qed isuq b’mod eċċessiv iżda fejn il-vittma qabad u għall-għarrieda ddeċieda li jaqsam it-triq minkejja li iktar ’il fuq kien hemm zebra crossing.

Ħareġ ukoll li l-vittma li kien miexi daru lejn is-sewwieq ma waqafx u ħares lura biex jara jekk kinux ġejjin karozzi fit-triq qabel ma ħareġ ’il barra u dan minkejja li kellu lil bintu miegħu.
Saħansitra, il-Qorti tal-Appell innotat li l-akkużat għamel ħiltu kollha biex jevita l-inċident u li kieku baqa’ għaddej fi triqtu, u ma ġibidx lejn il-lemin, kien jispiċċa jolqot ukoll it-tifla li kienet ma’ missierha.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Appell irrevokat is-sentenza tal-ewwel qorti u ddikjarat li mhix qed issib lill-akkużat ħati u lliberatu minn kull imputazzjoni u piena.

Il-qorti ordnat li kopja tas-sentenza tintbagħat lill-Ministru tat-Trasport biex jieħdu ħsieb u jagħti ordni biex din it-triq tinżamm fi stat tajjeb illi ssir żabra tal-ħaxix u siġar kull tant żmien l-aktar meta dawn joħorġu ’barra għall-karreġġjata u dan bil-għan li jiġu evitati inċidenti fatali oħrajn.

Għall-akkużat dehru l-Avukati Jason Azzopardi, Julian Farrugia u Franco Debono.