Lokali
Mhux ħati ta’ inċident fatali tat-traffiku fi Triq Ħal Far

Ryan Sultana ta’ 24 sena ma nstabx ħati li kkaġuna l-mewt ta’ sewwieq ta’ mutur, raġel ta’ 36 sena mill-Ħamrun, f’inċident fatali tat-traffiku li seħħ f’Novembru ta’ ħames snin ilu fi Triq Ħal Far, limiti tal-Gudja.

Sultana ġie mixli li b’mod involontarju kkaġuna l-mewt tas-sewwieq tal-mutur meta kien qed isuq bi traskuraġni jew b’mod perikoluż.

Il-każ seħħ fil-5 ta’ Novembru tal-2016 meta Sultana ħareġ minn triq sekondarja għat-Triq Ħal Far meta f’ħin bla waqt, il-vittma baqa’ dieħel fuq wara tal-karozza tiegħu. Il-karozza ġarrbet ħsarat kbar.

Mill-investigazzjonijiet li saru, ħareġ li l-vittma kien qed isuq bis-96 kilometru fis-siegħa, jiġifieri bi kważi d-doppju tal-veloċità permessibbli fi Triq Ħal Far ta’ 50 kms.

L-espert tat-traffiku Mario Buttigieg ikkonkluda li kieku l-mutur ma kienx għaddej b’dik il-veloċità, l-impatt ma kienx iseħħ għax kien jieqaf f’distanza ta’ ftit aktar minn 27 metru u b’hekk kien jevita l-ħabta.

Irriżulta wkoll li siegħa qabel l-inċident, il-vittma nqabad isuq b’veloċità eċċessiva wkoll fi Triq St Andrews f’Pembroke.

Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joseph Mifsud qal li l-Qorti m’għandix dubju li l-vittma kien għaddej b’veloċità qawwija u ma sabet xejn fl-evidenza li tikkontradixxi dan il-fattur determinanti.

Il-Qorti żiedet tgħid li mill-provi, jirriżulta li Sultana la seta’ jipprevedi dan l-inċident u wisq anqas jipprevenih. Qal li mhux l-istess seta’ jingħad għall-vittma.

Żied jgħid li mill-provdi li tressqu quddiemu, ma jirriżulta l-ebda nuqqas fis-sewqan tal-imputat għax min imkien ma ħareġ li ma ħax il-prekawzjonijiet kollha meħtieġa jew li kien imprudenti, traskurat u li ma osservax ir-regolamenti tat-traffiku.

Għal dawn ir-raġunijiet il-Qorti ma sabitx lill-imputat ħati tal-akkużi miġjuba kontriha u lliberatu minnhom.