Mhux ħatja li ħażnu l-isplussiv f’każin tal-banda fin-Naxxar

Tliet membri tal-kumitat tal-Peace Band Club fin-Naxxar ġew illiberati mill-akkużi li importaw b’mod illegali u ħażnu l-logħob tan-nar fil-kantina tal-każin. Il-Qorti kkonkludiet li ma kienx hemm biżżejjed provi biex issib ħatja lil Ivan Gauci ta’ 33 sena, David Sammut ukoll ta’ 33 sena, u Joseph Buhagiar ta’ 57 sena.

Il-Pulizija kienet bdiet tinvestiga dan il-każ wara splużjoni f’residenza fin-Naxxar fit-12 ta’ Marzu 2008, li kienet ħalliet żewġ persuni mejta, fosthom lil sid ir-residenza Pawlu Camilleri. Camilleri kien dilettant tal-festa u kien jattendi l-Peace Band Club. Wara dan l-inċident il-Pulizija xehdet kif kienet irċeviet diversi telefonati mill-pubbliku b’informazzjoni dwar logħob tan-nar maħżun f’diversi postijiet, fosthom f’dan il-każin.

Fil-kawża xehdu diversi persuni, fosthom l-Ispettur Nikolai Sant, li mexxa t-tfittxija fil-kantina tal-każin nhar it-3 ta’ Mejju 2008. Dakinhar tat-tfittxija, li saret fil-preżenza tas-Segretarju tal-każin u ta’ Gauci, kienet instabet moħba fil-kantina li kienet mimlija kaxxi li kien fihom materjal splussiv. Gauci u ż-żewġ akkużati l-oħra ċaħdu li kienu jafu b’din il-moħba.

Xehed ukoll is-Supretendent Noel Aquilina, li qal kif il-President Carmel Grech kien qalilhom li fil-kantina kien isir xogħol ta’ ħadid u njam, u li dan ix-xogħol kien isir minn grupp ta’ erba’ persuni, fosthom il-mejjet Camilleri, l-akkużati Gauci u Sammut, u Marco Agius. Dan tal-aħħar kien ikkundannat għal sentejn ħabs b’rabta mal-każ, iżda l-Qorti tal-Appell kienet bidlet is-sentenza minħabba nuqqas ta’ provi.

Il-Qorti Kriminali, ippreseduta mill-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera, qieset li l-Prosekuzzjoni kienet ressqet lit-tliet akkużati bħala membri tal-kumitat tal-każin li fih instabu l-isplussivi, u mhux għax kellhom x’jaqsmu direttament ma’ dan l-isplussiv. Qalet li fil-fatt ma kienx hemm prova ta’ konnessjoni bejn l-akkużati u l-isplussiv, għajr għall-fatt li Gauci kellu ċ-ċavetta tal-kantina filwaqt li Sammut u Buhagiar allegatament kellhom kopja taċ-ċavetta; fattur li madankollu ma ġiex ipprovat.

Il-Qorti qalet li biex tiġi mgħobbija r-responsabbiltà fuq it-tlett irġiel bħala membri tal-kumitat, u għalhekk bħala korp magħqud, xorta waħda l-ewwel trid tinstab ħtija fil-persuna fiżika li tirrappreżenta lil dik is-soċjetà. Il-Qorti kkonċediet li ma kienx faċli li wieħed japplika l-kunċett ta’ corporate liability.

Ikkundsidrat li t-tliet akkużati kien irnexxielhom jipprovaw li huma ma kinux konxji li kellhom taħt il-kontroll tagħhom l-isplussiv, u ma nġabitx prova biex turi li kienu żammew huma dan l-isplussiv. Fil-fehma tal-Qorti, il-fatt li Sammut kien għamel applikazzjoni mal-pulizija għal ħruq ta’ nar fil-festa, ma  kienx ifisser li l-isplussiv misjub fil-kantina kien fil-fatt tal-każin. Qalet li ma kinux tressqu provi li juru li l-akkużati kienu importaw l-isplussiv huma, u li dawn ma kellhomx liċenzja.

L-akkużati kienu assistiti mill-Avukati Dr Jason Grima u Dr Stefan Zrinzo Azzopardi.