Mhux ħatja li ppruvat iddaħħal fil-ħabs l-eroina moħbija f’koxxa ta’ tiġieġa

Mara nħelset mill-akkuża li ppruvat idaħħal id-droga eroina fil-ħabs moħbija f’koxxa ta’ tiġieġa l-forn wara li l-Qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova li kellha tkun il-mara li twassal l-ikel.

Tania Calleja ta’ 36 sena minn Ħal Qormi kienet akkużata li ttraffikat id-droga eroina fil-ħabs f’attentat biex tissuplixxi lin-neputi tagħha Marco Pace magħruf bħala l-Pinzell fit-12 ta’ Jannar 2006.

Fix-xhieda tiegħu, il-gwardjan tal-ħabs Paul Borg Bonaci qal li l-mara waslet l-ikel fil-ħabs. Żied li ma kienx jaf isimha imma qalet li kienet iz-zija ta’ Pace. Żied li meta spezzjona l-ikel u fetaħ il-koxxox tat-tiġieġ, sab pakkett li wara li saru l-investigazzjonijiet meħtieġa rriżulta li kien eroina.

Calleja caħdet li poġġiet id-droga fit-tiġieġa u l-Qorti nnotat li x-xhud ewlieni tal-prosekuzzjoni, il-gwardjan li sab id-droga, ammetta li ma kienx jaf x’jisimha l-mara u fl-ebda ħin ma ntalab jidentifika lill-mara fil-Qorti.

Għaldaqstant, il-Qorti ħelset lill-mara minn kull akkuża.